• ***

    Direttur:          Niels Arden Oplev

    Atturi:              Ellen Page, Diego Luna, Nina Dobrev, James Norton u  Kiersey Clemons

    Ħin tal-Film:    110 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18

    Dr. Courtney Holmes, studenta fix-xjenza ta’ newrokirurġija u li kienet qegħda tispeċjalizza fuq dan is-suġġett, xtaqet tesperimenta fuq x’jiġri fil-moħħ preċiżament wara l-mewt. Courtney ftit snin qabel kienet responsabbli tal-mewt t’oħtha minħabba negliġenza meta, waqt li kienet qegħda ssuq, tat daqqa t’għajn lill-mobajl, b’riżultat diżastruż.

    Courtney tipperswadi ftit minn sħabha biex iwettqu dan l-esperiment fuqha. Fost dawn insibu lil Ray, l-iktar student li kien jidher matur fosthom, Marlo, Jamie u  Sophia. L-idea kienet li dawn kollha jinżlu bil-moħbi  fil-kantina  tal-iskola medika fejn hemm kien hemm sptar armat minn kollox f’każ ta’ emerġenza u hemm jamministrawlha droga permezz ta’ titqiba li twaqqfilha qalbha għal tliet minuti biex f’dak il-ħin li Courtney tkun ‘mejta’, tara jekk ikunx hemm esperjenzi straordinarji li tgħaddi minnhom f’dak il-ħin. Importanti ħafna li sħabha jkunu lesti li wara tliet minuti jerġgħu jġibuha lura għal ħajja. Dan kien riskju kbir, iżda hi kienet lesta li tieħdu.

    Minn dan l-esperiment, Courtney tirrapporta s-sensazzjoni li kellha li qatt ma kienet hassitha qabel. Dak li qalet Courtney lil sħabha kien biżżejjed biex sħabha wkoll riedu li jkollhom esperjenza simili. Ray kien l-uniku wieħed li ma qabel xejn ma’ dan l-esperiment u baqa’ lura għalkemm aċċetta li s-sehem tiegħu jkun li jkun għassa għal dak li seta’ jinqala’, l-aktar jekk xi ħaġa tmur ħażina u xi hadd minnhom jibqa’ mejjet. L-esperimenti seħħu mingħajr wisq problemi b’eċċezzjoni waħda li, waqt li Sophia kienet qegħda tinġib lura mill-mewt, bdew ġejjin il-ħaddiema li jinżlu s-soltu biex inaddfu l-post. B’xorti tajba jirnexxielhom jaħarbu fil-ħin. Id-diffikultajiet jibdew wara ftit taż-żmien, meta l-erba’ li huma jibda jkollhom esperjenzi misterjużi għal dak li kien ġara fil-passat, esperjenzi li xejn ma kienu pożittivi. Jidher li l-esperimenti li kienu wettqu fuqhom, qajjmu ġewwa moħħhom ġrajjiet strambi u viżjonijet mqalbin. X’sejrin jagħmlu issa?

    Film ta’ fantaxjenza Amerikan, psikoloġiku u tal-bizà, taħt id-direzzjoni ta’ Niels Arden Oplev, kitba ta’ Ben Ripley. Minħabba t-tema tal-film li juru l-immaturità ta’ dawn l-istudenti u l-gravità tal-esperiment li wettqu fuqhom, kif ukoll xi vjolenza mdemmija, kliem goff u profann u sess kawżali, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.