• Direttur:           Hany Abu-Assad

    Atturi:              Kate Winslet, Idris Elba, Beau Brdiges, Dermot Mulroney, Linda Sorensen, Vincent Gale u Merci T. House

    Ħin tal-Film:    112 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                   12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                        12

    Ġewwa mitjar f’Idaho, Alex Martin, ġurnalista, tinsab f’qagħda ddisprata meta ssir taf li t-titjira li kellha għal New York ġiet imħassra minħabba t-tbassir ta’ tempesta qalila. Alex kellha raġun tkun iddisprata għaliex l-għada kellha tiżżewweġ. F’din il-qagħda, taħbat ma’ Ben Bass, kirurgu li kien jinsab fl-istess sitwazzjoni tagħha. Ben kien sejjer New York għaliex l-għada kien sejjer jopera pazjent li kien jinsab f’qagħda kritika ħafna. 

    Alex tara kif tagħmel u  tikri ajruplan żgħir bl-iskrejjen għal Denver biex minn hemm tkun tista’ taqbad titjira għal New York. Ben ma tantx deher ħerqan biex jieħu r-riskju minħabba li il-pilota ma tantx kien jidher f’siktu. Iżda minħabba l-urġenza tal-każ li kellu, Ben iddeċieda li jtir magħhom. Għalkemm it-temp kien diġa’ beda juri li kien hemm iċ-ċans ta’ tempesta, it-tlieta li huma, flimkien mal-kelb tal-pilota Walter telqu lejn Denver. Ma jgħaddix ħafna ħin fl-ajru, li Walter taħ attakk ta’ puplesija b’riżultat li l-ajruplan jikkraxxja fuq quċċata remota ta’ muntanja miksija silġ. Walter imut mad-daqqa iżda l-passiġġieri u l-kelb issalvaw għalkemm Alex tweġġa’ serjament. Fortunatament, Ben baqa’ ħaj u seta’ jdewwiha.  

    Il-qagħda fejn sabu ruħhom  xejn  ma kienet sabiha; kesħa tremenda, bla ikel u bla ilma u wisq inqas, fejn kienu ma kienx hemm is-servizz tat-telefown ċellulari. Walter, il-pilota anqas ma kien iffajlja l-pjan tat-titjira b’riżultat li ħadd ma kien sejjer ikun jaf li ntilfu. Ben ipprefera li jibqgħu hemm fit-tifrik tal-ajruplan u jistennew li jiġu salvati. Alex min-naħa tagħha insistit li jkun aħjar għalihom li jinżlu aktar l-isfel biex forsi jsibu xi għajnuna. It-tnejn flimkien mal-kelb warajhom jibdew it-triq għal isfel. X’jiġri minn hawn?

    Film Amerikan, avventura li tiżviluppa f’qagħda ta’ sopravivenza u rumanz, hu taħt id-direzzjoni ta’ Hany Abu-Assad, kitba ta’ Chris Weitz u J. Mills Goodloe, imsejjes fuq id-dramm-novella miktuba minn Charles Martin. Minħabba mumenti ta’ paniku waqt il-kraxx tal-ajruplan, kif ukoll l-ambjent perikoluż li sabu ruħhom fih u mumenti ta’ intimità bejn Alex u Ben, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.