"Let us pray so that our beloved departed see a friend in God" - The Archbishop on the Commemoration of all the Faithful Departed

Mass at the Addolorata Cemetery Church

  • 
     
  • Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, Raħal Ġdid

    2 ta’ Novembru 2017

    Fis-silta mill-Evanġelju ta’ San Ġwann li għadna kemm smajna, Ġesù jinsisti dwar ir-rieda ta’ Missieru: “Din hi tabilħaqq ir-rieda ta’ Missieri: li kull min jara lill-Iben u jemmen fih, ikollu l-ħajja ta’ dejjem u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum.” (Ġw 6:40)

    Meta aħna niftakru fl-għeżież mejtin tagħna, niftakru wkoll f’espressjoni mit-talb tal-Knisja, niftakru f’dawk li telqu qabilna bis-sinjal tal-fidi. X’inhi din il-fidi? Hija l-fidi li l-Mulej, bis-setgħa tiegħu, iqajjimna mill-imwiet fl-aħħar jum. Hija l-fidi f’Ġesù ta’ Nazaret li miet fuq is-salib u li fit-tielet jum irxoxta. Aħna nemmnu fil-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù u l-fidi tagħna fil-qawmien tiegħu, hija wkoll il-fidi li tfarraġna quddiem il-misteru tal-mewt.   

    Qegħdin f’dan il-post ta’ skiet, ta’ ħemda; huwa post għażiż għal eluf u eluf ta’ Maltin għax hawnhekk f’jiem ta’ niket u ta’ dulur, wassalna l-fdalijiet tal-għeżież tagħna, wassalniehom bid-dmugħ, bil-qalb maqsuma, imma wassalnihom ukoll bit-talb tal-Knisja, bil-fidi li dak li aħna żrajna fl-art u li jitħassar, għad jirxoxta fil-jum tal-Mulej, fl-aħħar jum jgħid l-Evanġelju ta’ San Ġwann, fil-glorja.

    L-appostlu Missierna jistedinna biex aħna nfaħħru lill-Mulej, nirringrazzjawh ta’ dan il-misteru kbir tal-qawmien. Aħna li sirna għedewwa tiegħu minħabba d-dnub, nirċievu l-ħajja fi Kristu Ġesù. Niftaħru, mela, f’Alla Sidna Ġesù Kristu li permezz tiegħu ksibna din il-ħbiberija. Il-fidi tagħna stqarrejnieha wkoll fis-Salm Responsorjali tal-lum: “Nemmen li għad nara t-tjieba tal-Mulej f’art il-ħajjin.” (S 26, 13)

    Dan il-post qaddis, il-post tar-raqda, tal-mewt, ifakkarna f’art il-ħajjin għaliex il-mewt hija wkoll proċess li jħejjina għall-qawmien. Fit-talba tal-Knisja ngħidu: “Il-ħajja ma tintemmx iżda tinbidel.” U aħna għalhekk nitolbu għall-għeżież mejtin tagħna għax l-istint tal-qalb tagħna tipperswadina li huma ħajjin quddiem il-Mulej. M’għadniex narawhom; l-għajnejn tagħna jżebbġu kemm iżebbġu ma jarawhomx. Il-widnejn tagħna, jieqfu kemm jieqfu, ma jisimgħuhomx. Idejna ma jirnexxilhomx imissuhom iżjed, se mai jmissu l-irħama kiesħa.  Imma l-fidi tagħna, il-persważjoni tal-imħabba li ma tmut qatt, hija wkoll esperjenza li nagħmluha, u ma nistgħux niċħduha. Aħna nħossu l-għeżież tagħna qrib tagħna u għalhekk, bħal-lum u meta niftakru fihom, nitolbu għalihom u nħossu li qegħdin ukoll jitolbu għalina.      

    “‘Ejja,’ għedt f’qalbi, ‘fittex ’il wiċċu;’ ‘Jiena wiċċek infittex Mulej, la taħbix wiċċek minni.’” (S 26, v.8) Ir-ruħ, hija u tissaffa, tfittex li tara lill-Mulej wiċċ imb wiċċ u din hija t-talba mhux biss tagħna li qegħdin hawnhekk f’dan il-wied tad-dmugħ, imma wkoll ta’ ħutna li jissaffew. Aħna u nitolbu għall-ħutna l-mejtin, nitolbu li bis-solidarjetà tagħna, bit-talb tagħna, bit-talb tal-Knisja, jaraw wiċċ il-Mulej u jgawduh għal dejjem. 

    Din hija l-fidi qawwija ta’ Ġobb: il-fidi li hu se jara ’l Mulej. “Jien naf li d-difensur tiegħi ħaj, u fl-aħħar fuq it-trab iqum.  U, wara  li jintemm ġildi, għoddni bla laħam, nara ’l Alla. Lilu narah b’ħabib tiegħi.”

    Ejjew nitolbu li l-għeżież mejtin tagħna jgħaddu minn din l-esperjenza: jaraw lil Alla b’ħabib tagħhom. Agħtihom Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem, jistrieħu fis-sliem, Ammen.

     Charles J. Scicluna     
         Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja