"Nitolbu li fostna ma jinbitx dak li jagħmel il-gwerer possibli: spirtu ta’ vjolenza u mibegħda" - L-Arċisqof

Quddiesa Pontifikali f'Jum it-Tifkira


  • Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Konkatidral ta’ San Ġwann

    12 ta’ Novembru 2017

    “Ishru, mela, għax la tafu l-jum u lanqas is-siegħa” (Mt 25, 13). Dawn il-kliem ta’ Ġesù huma kliem mhux biss ta’ ċanfira imma anke pre-avviż. Qed jurina x’għandu jkun l-atteġġjament tagħna biex inkunu ppreparati għal dak il-jum tremend meta ngħaddu minn din il-ħajja għall-ħajja l-oħra.

    “Ishru!”. Il-viġilanza huwa atteġġjament fondamentali għall-Insara. Dik li inti tgħasses fuqek innifsek, li tieħu ħsieb li taqra ċ-ċirkustanzi ta’ madwarek, u tifhem xi jrid il-Mulej minnek, huwa l-għerq ta’ kull għerf.  Il-bluha hija meta inti  ma tishirx, ma tgħassisx, ma tkunx viġilanti; il-bluha hija wkoll meta għalkemm ikollok l-equipment, ma jkollokx ammunition, għalkemm ikollok armata qed tikkumbatti, ma tieħux ħsieb il-proviġjonament. Ħafna rakkonti militari jiddiskrivu li l-falliment ħafna drabi jiġi għaliex ma jkunx hemm l-għaqal li tippreveni ċirkustanzi partikolari, jew inkella tibgħat armata mbagħad m’għandekx il-kapaċità żżomnmha f’ambjent li kultant huwa ostili bil-proviġjonamenti adegwati.

    Il-viġilanza mela mhux biss huwa atteġġjament psikoloġiku imma b’xi mod huwa relatat mal-prudenza. Il-viġilanza ġġiegħlek tikkalkula sew, tieħu ħsieb li l-konflitti li tidħol għalihom jew ìnkella jġegħluk tidħol għalihom, tkun ippreparat għalihom.

    Id-deċiżjonijiet jittieħdu fuq l-imwejjed u fuq l-iskrivaniji ta’ min hu komdu, imma huma wlied il-ħaddiema li jmutu fuq il-kampijiet tal-battalja.

    Aħna lum qegħdin hawnhekk b’mod solenni, bħalma nagħmlu kull sena. Li niftakru huwa d-dover tagħna. Miljuni ta’ suldati, ħafna minnhom żgħar, ħafna minnhom żgħażagħ li ħallew ħajjithom minħabba l-ubbidjenza militari għaliex kienu, biex ngħidu hekk, pawns, kienu taħt il-kmand ta’ min jew kien arroganti f’kunflitti aggressivi ta’ ħakma, jew inkella għaliex kienu vittmi tad-dover biex jiddefendu l-libertà ta’ pajjiżhom.

    Diffiċli tpoġġi lis-suldat f’kategorija ta’ iswed u abjad għax kull kunflitt fuq iż-żewġ naħat hemm vittmi li huma vittmi mhux għax iridu imma għaliex huma parti minn struttura ħafna ikbar minnhom. Id-deċiżjonijiet jittieħdu fuq l-imwejjed u fuq l-iskrivaniji ta’ min hu komdu, imma huma wlied il-ħaddiema li jmutu fuq il-kampijiet tal-battalja.

    Kull meta kont inżur iċ-ċimiterji militari ’l barra minn Ruma, Anzio, Nettuno, ta’ kull sena kont naqsam qalbi nara kemm kienu żgħar dawn is-suldati: 18-il sena, 20 sena, 22 sena, mijiet u mijiet ta’ żgħażagħ. Aħna wkoll fil-gżejjer tagħna hawn Malta għandna dawn il-postijiet sagri għaliex iħaddnu l-fdalijiet ta’ żgħażagħ mhux biss Maltin imma barranin, li mietu hawnhekk. Uħud minnhom mietu jiddefendu anke l-libertà tal-Gżejjer tagħna. Id-dejn tagħna magħhom ma jitqiesx, il-preżenza tagħna llum huwa mument solenni biex niftakru fihom u ma ninsewhomx imma fl-istess ħin huwa impenn biex il-valuri li huma ddefendew, aħna niddefenduhom ukoll.

    Nitolbu wkoll għal min, biex jiddandan politakment, ivenven lid-dinja bl-isfida tal-armi nukleari.

    Nitolbu wkoll għall-membri tal-Forzi Armati fid-dinja kollha. Huma marbutin bl-ubbidjenza militari, iridu jobdu anke meta ma jogħġobhomx. Nitolbu għal min għandu deċiżjonijiet iżjed importanti x’jieħu meta jiddeċiedi jidħolx jew le f’kunflitt armat b’mod speċjali f’dinja fejn l-armamenti mhumiex biss konvenzjinali imma iżjed qerrieda u qattiela.

    Nitolbu wkoll għal min, biex jiddandan politakment, ivenven lid-dinja bl-isfida tal-armi nukleari. U nitolbu l-Mulej iħarisna minn imħuħ u qlub daqshekk iebsin u daqshekk boloh.

    U fl-istess ħin nitolbu wkoll li fostna ma jinbitx dak li jagħmel il-gwerer possibli: spirtu ta’ vjolenza u mibegħda. Dik ukoll hija bluha. L-għaqal huwa dak li wieħed jifhem li f’soċjetà fejn hemm opinjonijiet differenti, hemm bżonn nitgħallmu nirrispettaw verament lil xulxin u mhux bil-paroli biss għax il-kunflitti l-kbar kollha jibdew fil-qalb tal-bniedem u għalhekk jiena jekk ngħasses fuq qalbi, inkun qed nagħti kontribut kbir vera għall-paċi.

    ✠ Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja