• Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokkjali ta’ Santa Venera

    26 ta’ Novembru 2017

    Fil‑festa ta’ Kristu Re, aħna u nispiċċaw iċ‑ċiklu ta’ laqgħat flimkien meta nfakkru ta’ kull nhar ta’ Ħadd u ta’ kuljum il‑mewt u l‑qawmien ta’ Ġesù, f’din l‑aħħar ġimgħa taċ‑ċiklu ta’ laqgħat u ta’ talb u ta’ tifħir li aħna nsejħulu s‑sena liturġika, il‑ħsieb tagħna l‑Insara jmur fit‑tmiem taż‑żminijiet, fil‑milja taż‑żminijiet meta l‑Mulej Ġesù, l‑Iben il‑waħdieni tal‑Missier, qassis għal dejjem u sultan tal‑ħolqien kollu, itemm il‑misteru tal‑fidwa tal‑bnedmin. U wara li jkun ġab il‑ħlejjaq kollha taħt il‑ħakma tiegħu jagħti lill‑Missier is‑saltna fuq kollox u għal dejjem, saltna ta’ verità u ħajja, saltna ta’ qdusija u grazzja, saltna ta’ ġustizzja, imħabba u sliem (mill-Prefazju tal-Quddiesa ta’ Kristu Re).

    Aħna u nsellmu lill‑Mulej Ġesù taħt it‑titlu ta’ Kristu Re jew Sultan tal‑Ħolqien kollu, qegħdin infakkru dan il‑mument li għad irid iseħħ imma li fl‑istess ħin diġà beda. Fil‑qalb ta’ kull wieħed u waħda minna, fil‑qalb ta’ kull komunità Nisranija matul is‑sekli, il‑Mulej qiegħed iwettaq is‑saltna. Wara kollox meta għallimna nitolbu, għallimna nitolbu hekk: “Missierna li inti fis‑smewwiet, jitqaddes ismek, tiġi saltnatek” (Mt 6, 9‑10). Din hija t‑talba li għallimna hu, it‑talba li tagħti togħma, direzzjoni u tifsira, lill‑eżistenza tagħna bħala Nsara. Bil‑qalb tagħna, kull nifs tagħna, aħna rridu ngħidu ‘tiġi saltnatek’ għaliex nafu li s‑saltna ta’ Alla hija saltna li lilna mhux biss tagħmlilna ġieħ imma hija l‑garanzija tad‑dinjità tagħna.

    Hemm seba’ valuri li jissemmew fuq is‑saltna fit‑talba sabiħa tal‑prefazju li biha bdejt din ir‑riflessjoni: verità, ħajja, qdusija u grazzja, ġustizzja, imħabba u sliem. Dawn huma l‑valuri li l‑Mulej irid itemm u jrid iwassal għall‑perfezzjoni biex imbagħad iqegħedhom f’riġlejn il‑Missier meta hu jkun ġab il‑ħlejjaq kollha taħt il‑ħakma tiegħu u jagħti lill‑Missier is‑saltna fuq kollox u għal dejjem. In‑numru 7 fih innifsu jindika l‑perfezzjoni, jindika s‑sħuħija, jindika l‑valur definittiv. Huma valuri li aħna l‑Insara msejħin ngħixu u napplikaw fejn qegħdin, fejn il‑Mulej bagħtna. 

    Jiena, bħala l‑Arċisqof ta’ Malta, illum nindirizza lilkom u lil min qiegħed isegwina bil‑mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali. Aħna l‑Insara f’Malta għandna d‑dover li nwasslu ’l quddiem is‑saltna tal‑Mulej billi nħaddnu ta’ kuljum fil‑ħajja tagħna, dawn is‑seba’ valuri li huma l‑valuri tas‑saltna.

    Il-qdusija hija l-għatx li Alla jkun is-sultan tal-qalb tagħna.

    Ħa nibda minn tnejn li donnhom għalina l‑bnedmin, minħabba d‑dgħufija tagħna, huma l‑iżjed tqal, kważi irraġġunġibbli. Is‑saltna ta’ Ġesù hija saltna ta’ qdusija u grazzja. Imma dawn it‑tnejn li għalina, bnedmin dgħajfa u midinbin, jinstemgħu mal‑ewwel daqqa tal‑widna, mhux biss tal‑għajn, bħala xi ħaġa li ma nistgħux nilħquha, huma l‑qofol tas‑seba’ valuri tas‑saltna. Huma, biex ngħidu hekk, iċ‑ċavetta biex aħna nkunu nistgħu ngħixu tassew dik it‑talba ħerqana tal‑Mulej matul ħajjitna kollha: tiġi saltnatek. Il‑qdusija tagħna personali f’li aħna lil Alla nduru lejh bil‑kliem ta’ San Ġorġ Preca u ngħidulu: “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok”. Dak huwa l‑pedament tal‑qdusija, li inti kreatura tagħraf il‑kundizzjoni tiegħek quddiem Alla u tirreżisti għat‑tentazzjoni ta’ awtonomija u awtosuffiċjenza li kienet sa mill‑bidu: tkunu bħal Alla (ara Ġen 2, 3), m’għandkomx bżonn tobduh. Intom tiddeċiedu min intom. Il‑qdusija hija dan il‑bżonn radikali li Alla jsaltan. Il‑qdusija hija l‑għatx li Alla jkun is‑sultan tal‑qalb tagħna, tas‑soċjetà tagħna. B’dan il‑għatx, in‑Nisrani jitqaddes ta’ kuljum u tant ieħor is‑saltna tal‑grazzja. 

    Is‑saltna tal‑grazzja għalina l‑midinbin hija li aħna nduru lejn Alla u bit‑talb ta’ San Ġorġ Preca ngħidulu: “Grazzi Sinjur Alla, aħfirli Sinjur Alla”. Dik it‑talba sempliċi li San Ġorġ Preca, li siefer għall‑ġenna minn din il‑parroċċa fl‑1962, jgħallimna mhux biss is‑sens ta’ gratitudni imma wkoll li aħna midjunin mal‑Mulej. Għandna bżonn ta’ kuljum il‑maħfra tiegħu. Is‑saltna tal‑grazzja tkun fil‑qalb tagħna u fostna jekk aħna nagħrfu li rċevejna kollox b’xejn u li għandna bżonn il‑maħfra tal‑Mulej.  

    Ma jistax ikun li aħna l-Insara nċedu għall-kultura fejn il-verità mhijiex iżjed kriterju tar-relazzjonijiet ta’ bejnietna jew ta’ governanza.

    Dan hu l‑ewwel suġġeriment għall‑ħajja tagħna ta’ kuljum, biex il‑valuri tas‑saltna li se jkunu fil‑milja tagħhom fl‑aħħar taż‑żminijiet ngħixuhom issa, illum. Ejjew nirriflettu fil‑profond it-tifsira tat‑talba: “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok. Grazzi Sinjur Alla, aħfirli Sinjur Alla”. Imma dan il‑bżonn radikali ta’ Alla, dan il‑bżonn radikali tal‑grazzja u tal‑maħfra tiegħu, irid ijun ukoll xprun, motivazzjoni, inkoraġġiment biex aħna noħolqu saltna, soċjetà, fejn isaltnu tassew il‑verità u l‑ħajja, il‑ġustizzja, l‑imħabba u s‑sliem.  

    Ma jistax ikun li aħna l‑Insara nċedu għall‑kultura fejn il‑verità mhijiex iżjed kriterju tar‑relazzjonijiet ta’ bejnietna jew tal‑governanza. Is‑saltna ta’ Alla tħaddan il‑verità għaliex Ġesù stess huwa l‑verità, għaliex Ġesù stess qalilna biex inkunu wlied id‑dawl (Ġw 12, 36) u fit‑tagħlim tal‑Appostlu Missierna, il‑frott tad‑dawl huwa t‑tjubija, il‑ġustizzja u l‑verità (Ef 5, 9). Min mhuwiex mal‑verità huwa mal‑gidba u nafu min hu missier il‑gideb: ix‑xitan huwa missier il‑gideb. Mela kultura li tiddisprezza l‑verità, il‑verità fuq il‑bniedem maħluq xbieha ta’ Alla raġel u mara, li tiddisprezza l‑liġi li poġġa Alla, liġi ta’ verità fil‑ħolqien, li mara tissejjaħ mara u raġel jissejjaħ raġel, li l‑ulied jitwieldu minn rabta dejjiema bejn raġel wieħed u mara waħda, u mhux billi nixtru ż‑żerriegħa tar-raġel minn hawn u l‑bajda tal-mara minn xi mkien ieħor. Il‑verità fuq il‑ħajja ta’ bejnietna trid tkun ħajja ta’ rispett lejn il‑prinċipju ta’ kontabbilità u ta’ trasparenza fil‑governanza.   

    Aħna l-Insara ma nistgħux naċċettaw li jkun hemm għażla bejn tarbija u oħra. Aħna ma naċċettawx bħala kriterju ta’ dritt fundamentali l-imsejjaħ ‘dritt’ li tagħżel jekk tarbija fil-ġuf għandhiex tinqatel jew le.

    Aħna l-Insara msejħin biex niġġieldu għall-kultura tal-verità

    imma l‑ewwel nett ngħixuha aħna personalment, anke fil‑Knisja, għax kull kelma li qiegħed ngħid hija ġebla ta’ ġudizzju fuqi u fuq il‑Knisja. Aħna ma nistgħux nibnu s‑saltna t’Alla billi nippuntaw subgħajna lejn ħaddieħor li forsi s‑saltna t’Alla nesieha jew ma jimpurtahx minnha għax għandu prijoritajiet oħra u kriterji oħra. Imma l‑kriterji tas‑saltna l‑ewwel li jixprunaw u l‑ewwel li jiġġudikaw huwa lilna, u aħna nissottomettu ruħna b’umiltà lejn il‑verità tal‑ġudizzju ta’ Alla li ma jħares lejn l‑ebda wiċċ u hija verità għal kulħadd.

    Is‑saltna hija saltna ta’ ħajja. Aħna l‑Insara ma nistgħux ma niddefendux il‑kultura tal‑ħajja. Ħalli nkun ċar: aħna l‑Insara ma nistgħux naċċettaw li jkun hemm għażla bejn tarbija u oħra. Aħna ma naċċettawx bħala kriterju ta’ dritt fundamentali l‑imsejjaħ ‘dritt’ li tagħżel jekk tarbija fil‑ġuf għandhiex tinqatel jew le. Aħna wkoll ma nistgħux naċċettaw l‑għażla bejn liema pazjent terminali għandu jgħix jew imut. Għax aħna nemmnu li s‑saltna tal‑ħajja tfisser li l‑Mulej hu sid il‑ħajja, li hu jġib in‑nies fid‑dinja permezz tal‑imħabba tal‑missier u tal‑omm u jwassalhom lil hemm mid‑dinja bil‑mewt meta jsejjaħ hu.    

    Għalhekk aħna nikkundannaw kull qtil b’mod speċjali l‑qtil tal‑innoċenti: fil‑bidu tal‑ħajja, matul il‑ħajja u fit‑tmiem tal‑ħajja. Is‑saltna tal‑Mulej hija saltna tal‑ħajja. Il‑ħajja aħna rridu ngħixuha u mhux neqirduha, aħna rridu niddefenduha l‑ħajja u mhux nippretendu li hemm dritt li toqtol, b’mod speċjali d‑dritt li toqtol lill‑innoċenti.   

    Tista’ taħrab il-ġustizzja ta’ din id-dinja li qatt mhi ġustizzja kompleta, imma l-ġudizzju ta’ Alla ma taħarbux.  

    Is‑saltna tal‑Mulej hija saltna ta’ ġustizzja, is‑saltna fejn dak kollu li nagħmlu bejnietna u lil xulxin, il‑Mulej iqisu magħmul lilu nnifsu. “Jiena kont bil‑ġuħ u tmajtuni, kont bil‑għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil‑ħabs u ġejtu żżuruni […] Tassew ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill‑iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25, 35‑36.40). Il‑kriterju tal‑ġustizzja huwa l‑kriterju tal‑ġudizzju. Il‑ġudizzju tagħna mhux se jkun kemm tellajna bnadar, kemm sparajna murtali, kemm għamilna purċissjonijiet. Il‑ġudizzju tagħna se jkun dak li qalilna Ġesù fl‑Evanġelju tal‑lum. “Dak kollu li għamiltu ma’ wieħed mill‑iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi”, kemm fit‑tajjeb u kemm fil‑ħażin. U lkoll kemm aħna rridu nagħtu ġudizzju tal‑għemil tagħna. Tista’ taħrab il‑ġustizzja ta’ din id‑dinja li qatt mhi ġustizzja kompleta, imma l‑ġudizzju ta’ Alla ma taħarbux.    

    Is‑saltna tal‑Mulej hija saltna ta’ mħabba. Aħna lkoll meta nkunu midrubin, meta nkunu ppersegwitati jew inkella injorati, ikollna t‑tentazzjoni nirreaġixxu like with like. Imma s‑saltna ta’ Ġesù mhijiex is‑saltna tat‑tpattija, iżda hija s‑saltna tal‑imħabba. Fuq is‑salib hu tana l‑eżempju aħħari, definittiv, ta’ vittma innoċenti li bil‑mewt tagħha tifdi lill‑karnefiċi tagħha, lil min qatilha. “Mulej, aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23, 34). Hu li qal li hu ta’ qalb ħelwa u umli, għallimna l‑valur mhux biss tal‑umiltà imma tal‑manswetudni. Il‑manswetudni hija l‑kriterju tal‑imħabba vera għax l‑imħabba vera m’għandhiex partiti, l‑imħabba vera ma tħarisx lejn l‑uċuħ, l‑imħabba vera taħfer lil kulħadd, l‑imħabba vera tħaddan lil kulħadd.

    U jekk hemm xi ħadd li huwa msejjaħ għal din l‑imħabba li tħaddan lil kulħadd hija l‑komunità Nisranija, hija l‑Knisja, ibda mill‑Isqof. L‑Isqof, il‑qalb tiegħu trid tkun miftuħa beraħ għal kulħadd għaliex is‑saltna tal‑Imgħallem tiegħi hija saltna ta’ mħabba. U l‑imħabba mhijiex kompleta jekk ma tkunx imħabba wkoll tal‑għedewwa. Ġesù stess qal: “Għax jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? Mhux il‑pagani wkoll jagħmluh dan? Kunu mela perfetti bħalma hu perfett Missierkom li hu fis‑smewwiet” (Mt 5, 46-48).

    L-imħabba hija wkoll imħabba li tħares lejn il-ġenerazzjonijiet li għadhom ma tweldux.

    Jalla aħna mhux biss fis‑servizz ta’ djakonija li nagħmlu imma fil‑qalb tagħna, fil‑kliem tagħna, fil‑mod kif nużaw is‑social media, nibnu kultura ta’ mħabba u mhux kultura tal‑mibegħda, kultura tal‑odju, tat‑tpattija, tal‑għira. Aħna l‑Insara rridu nibnu kultura fejn kulħadd għandu dritt jitkellem mingħajr ma jinsolenta lil ħadd. Kulħadd għandu dritt jesprimi ruħu mingħajr ma jikkalunja lil ħadd. Kulħadd għandu dritt jgħix il‑ħajja tiegħu billi jkun ta’ servizz għal kulħadd.

    Wara kollox l‑imħabba hija wkoll imħabba li tħares lejn il‑ġenerazzjonijiet li għadhom ma tweldux. Din hija xi ħaġa li jinsisti fuqha wkoll il‑Papa Franġisku. Aħna u nieħdu deċiżjonijiet li jistgħu jagħmlu impatt, kemm pożittiv u kemm negattiv fuq l‑ambjent, fuq il‑kultura tagħna, fuq il‑liġijiet tagħna, ejjew nieħdu ħsieb ukoll il‑ġenerazzjonijiet ta’ warajna. L‑imħabba Nisranija tant hija wiesgħa, tant hija kbira li tħaddan ukoll il‑ġenerazzjonijiet li ġew qabilna u l‑ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu warajna.     

    L‑aħħar valur minn dawn is‑seba’ valuri tas‑saltna ta’ Ġesù huwa s‑sliem. Il‑Prinċep tas‑Sliem, kif sejjaħlu l‑profeta Isaija, għandu għatx biex isellem lil kull wieħed u waħda minna bit‑tislima tiegħu nhar il‑jum qaddis tal‑Għid: “Il‑paċi magħkom”. Ma setax ikollu tislima aħjar dak li ssallab għalina. Ma setax jagħtina teżor ikbar dak li jrid l‑ikbar ġid għall‑qalb u r‑ruħ tagħna: “Il‑paċi magħkom”. Sewwa tgħid l‑Iskrittura li min jitlef il‑paċi ta’ qalbu jkun tilef kollox. Aħna nsostnu li l‑paċi fid‑dinja tibda mill‑paċi tal‑qalb ta’ kull wieħed u waħda minna. Aħna nitolbu biex inkunu f’paċi ma’ kulħadd billi wara kollox inħaddmu l‑valuri li semmejna, għax jekk ikollna ngħaqqdu l‑valuri kollha li semmejna – il‑verità, il‑ħajja, il-qdusija, il-grazzja, il‑ġustiżżja, l‑imħabba u s-sliem – il‑frott tagħhom huwa l‑paċi bejnietna u fid‑dinja. Jalla aħna nkunu komunità li naħdmu għall‑kultura tal‑paċi bejnietna u fid‑dinja.

    Kemm tkun ħaġa sabiħa li l-gżira tagħna tkun mhux ġenna għall-kriminali, imma port ta’ kenn għal min għandu l-iżjed bżonn.

    Il‑ħsieb tiegħi llum imur lejn il‑Baħar Mediterran, li aħna tikka ċkejkna fiċ‑ċentru tiegħu, punt strateġiku, b’vokazzjoni li nkunu oasi ta’ paċi, oasi fejn in‑nies jiltaqgħu biex isiru ħbieb mhux għedewwa, oasi fejn in‑nies jiġu milqugħa u jingħataw dinjità ormai mitlufa, oasi fejn isaltnu l‑valuri tal‑familja, tal‑ħajja, tal‑ġid veru. Kemm tkun ħaġa sabiħa li din il‑gżira li waqt maltempata tat port ta’ kenn lil Pawlu l‑Appostlu Missierna, tkun port ta’ kenn għal tant nies li qed ifittxu d‑dinjità li tilfu. Kemm tkun ħaġa sabiħa li l‑gżira tagħna tkun mhux ‘ġenna’ għall‑kriminali imma port ta’ kenn għal min għandu l‑iżjed bżonn. U dan ikun tassew is‑sliem u l‑paċi li l‑Mulej jixtieq iberikna bih.

    “Tassew, ngħidilkom, kulma għamiltu ma’ wieħed mill‑iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25, 40).

    ✠ Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja