• Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Mount St Joseph, il-Mosta

    1 ta’ Diċembru 2017

    Qegħdin fl-aħħar jiem tas-sena liturġika, aħna għamilna rtir diġà naħsbu fuq l-Avvent li jibda s-Sibt filgħaxija. Dan l-Ewwel Qari (Dan 7, 2-14) mill-profeta Danjel miktub x’aktarx 200/300 sena qabel Ġesù, juża’ immaġini li mbagħad jerġgħu prattikament jirrepetu ruħhom fil-ktieb tal-Apokalissi.

    Il-ktieb tal-Apokalissi, li jipprova jagħti interpretazzjoni tal-istorja fid-dawl tal-passjoni u l-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù u allura jippreżenta lil Ġesù bħala l-alpha u l-omega: il-bidu u t-tmiem. Prattikament l-alfabett kollu għax inti li tgħid ‘l-alpha u l-omega’ ifisser from A to Z, l-alfabett kollu, huwa t-totalità tal-providenza ta’ Alla f’kull mument tal-istorja. Jiġi antiċipat diġà fil-ktieb ta’ Danjel li huwa wkoll ġeneru ta’ tip apokaliptiku dan li jipprova jinterpreta l-istorja u biex jinterpretaha juża’ immaġini kważi mitiċi. Dan il-qari jintuża’ wkoll fil-festa tat-trasfigurazzjoni tal-Mulej, fejn id-dehra ta’ Alla u l-glorja tiegħu u f’dan ir-raġel żagħżugħ li jiġi ppreżentat quddiem il-glorja tal-Mulej. 

    L-Evanġelju (Lq 21, 29-33) huwa Evanġelju fejn Ġesù jgħallimna nagħrfu s-sinjali taż-żminijiet. Il-kelma ‘sinjali taż-żminijiet’ hi propju ispirata minn dan it-tip ta’ Evanġelju li għadna kemm smajna minn kapitlu 21 ta’ San Luqa. U Ġesù juża’ r-realtà ta’ madwaru. Aħna għandna l-privileġġ li qegħdin f’żona tad-dinja fejn ix-xbihat li juża’ Ġesù huma aċċessibbli direttament għall-esperjenza tagħna.   

    Dalgħodu, jien u naqra kummentarju fuq dan il-qari, ma flaħtx ma nitbissimx għaliex il-kummentatur, li x’aktarx qatt ma ra b’għajnejh siġra tat-tin, kien qed jitkellem fuq il-fjur tas-siġra tat-tin meta aħna nafu, għax din l-esperjenza tagħna, li kull siġra tat-tin mill-ewwel tibda mill-frott għax hija tip ta’ siġra li l-frotta ma tikbirx minn fjura imma mis-siġra nnifisha mbagħad tiżviluppa, timmatura. U inti tirrealizza bil-privileġġ li aħna għandna direttament aċċess għall-immaġini ta’ Ġesù. Infatti aħna ngħidu ‘meta jarmu’ imma mhux qed jarmu l-fjuri, imma qed jarmu l-frott tagħhom li jibda mal-ewwel, malli tibda tisponta l-werqa, għaliex is-siġra tat-tin hija siġra li tinża’ fix-xitwa imma malli tibda tarmi, hemm diġà wkoll il-frott li qed jikber magħha. Mhijiex bħas-siġra tal-lewż li tagħmel il-fjuri mbagħad kważi kważi l-fjuri tagħmilhom qabel tilbes il-weraq. Din għalina hija responsbabiltà għaliex aħna għandna aċċess dirett għax-xbieha ta’ Ġesù. Ma tantx għandna skużi. Aħna nafu li meta s-siġra tat-tin tarmi jkun riesaq is-sajf, ir-rebbiegħa u s-sajf.          

    Li naqraw is-sinjali taż-żmienijiet! Interessanti ħafna li Ġesù ma jitkellimx fi xbieha li tfakkarna fil-ħarifa u x-xitwa imma x-xbieha li juża’ hija l-esperjenza tar-rebbiegħa u tas-sajf. Hija lettura, biex ngħidu hekk, pożittiva mimlija tama.

    “Tafu li s-saltna ta’ Alla hi fil-qrib” (Lq 21, 31. Is-saltna ta’ Alla fix-xbieha ta’ Ġesù trid tkun bħalma anke qrajna fir-riflesjoni tal-Papa dwar ix-xefaq ta’ tama li hija xi ħaġa li hemm bżonn timlina b’ċertu entużjażmu, bil-ferħ.   

    Kemm ħadt pjaċir waqt l-Assemblea Djoċesana nisma’ propju dan it-timbru ta’ tama, ta’ entużjażmu, ta’ ferħ, ta’ impenn biex aħna nkunu tassew ta’ servizz. Irridu naċċettaw il-liġi fundamentali li nkunu wkoll sinjal li jmeruh imma mhux biex naqtgħu qalbna. Din hija kollha tensjoni vitali għaliex, wara kollox, aħna wkoll imċanfrin mill-kelma ta’ Alla; aħna wkoll għandna bżonn nirriflettu fuq Alla xi jrid jgħid lill-Knisja tiegħu.        

    L-istess ktieb tal-Apokalissi jibda propju b’dan id-djalogu bejn il-Mulej irxuxtat u s-seba’ knejjes. “Dan għandu xi jgħid il-Mulej lill-Knisja ta’ Laodiċija, ta’ Sardi” u nkomplu. Dan huwa djalogu li l-Mulej “jiena naf l-opri tiegħek”, naf ukoll id-dgħufija tiegħek. Se nagħtik żmien biex tikkonverti , ħu ħsieb tiegħek innifsek, “la inti kiesaħ u lanqas sħun, inti biered, fietel, se nobżqok” (ara Apok 3, 15-16). Dawn huma kliem tal-Mulej imħabbar li, b’realiżmu kbir ikellem lill-Knisja tiegħu u jixprunaha għall-konverżjoni.     

    Aħna u nibdew l-Avvent nixtieq nissuġġerixxi eżerċizzju sempliċi imma li jfisser impenn. Tkun ħaġa sabiħa jekk fl-Avvent ikollna ċans immorru għall-quddies ta’ kuljum, mhux minħabba ċ-ċensiment, imma għaliex fl-Avvent għandna dan il-privileġġ. U l-ferħ tal-Avvent —għalija hemm ħafna ferħat fl-Avvent— imma waħda mill-ferħat li għalija hija ġdida ta’ kull sena hija l-ferħ li bih ninnota l-għażla tal-profezija minn Isaija li jkollna fl-Ewwel Qari u l-għażla tal-Evanġelju fid-dawl tal-profezija. Għaliex fl-Ewwel Qari ta’ matul il-ġimgħa fil-ġranet tal-Avvent titħabbar profezija ta’ Isaija; bħalma smajna lkoll fl-ewwel meditazzjoni li tana Fr Patrick Magro u li se titħabbar il-Ħadd li ġej. Ħafna drabi dawn il-profeziji huma profeziji ta’ faraġ, ta’ konsolazzjoni, ta’ tama, huma għalhekk profeziji Messjaniċi.   

    L-Evanġelju mhuwiex lectio kontinwu, mhux taqbad l-Evanġelju u qed issegwi lil Ġesù imma l-Evanġelju jmur anke minn Evanġelju għall-ieħor, għaliex? Għaliex il-Knisja tagħżel silta li fiha jkun hemm il-konferma tal-profezija li nkunu smajna fl-Ewwel Qari. U allura Isaija jieħu togħma differenti. Meta inti u tisma’ l-Evanġelju tgħid ‘liema spunt mill-Evanġelju jerġa’ jirreferini għall-profezija li smajt?’ U hemm rikkezza straordinarja f’dan l-abbinament bejn il-profezija ta’ Isaija li titħabbar fil-ġranet ferjali tal-Avvent, b’mod speċjali fl-ewwel parti tal-Avvent, u l-mod kif il-profeziji ta’ Isaija seħħew fil-ħajja, fit-tagħlim, fil-ġesti u fil-mirakli tal-Mulej Ġesù.    

    Imbagħad l-Avvent għandu t-tieni parti: is-sebat ijiem ta’ qabel lejlet il-Milied. Dawn huma propju l-profeziji, mhux biss minn Isaija, imma li huma kollegati l-iżjed max-xeni tal-preparazzjoni prossima tat-twelid ta’ Ġwanni l-Battista u ta’ Ġesù nnifsu. Hemmhekk il-profezija tieħu rwol differenti, huwa propju t-tħabbira ta’ dak li ġara fl-istorja ta’ Ġesù, l-storja tat-twelid tiegħu.       

    Punt ieħor ta’ meditazzjoni fl-Avvent li nissuġġerilkom huwa li nieħdu bis-serjetà is-seba’ antifoni ta’ dawn is-sebat ijiem qabel lejlet il-Milied. Aħna ngħidulhom l-‘antifoni O’. Issibuhom fl-Hallelujah tal-quddiesa. Aħna ngħiduhom fil-vespri, fit-talba tal-Knisja ta’ filgħaxija, imma huma wkoll ripetuti fil-versett ta’ qabel l-Evanġelju. Fl-Hallelujah ikun hemm din l-antifona li tibda ‘O’, ‘O Għimmanu-El’, ‘O Muftieħ ta’ Israel’, ‘O Kewkba’, ‘O Re’. U dawn għandhom propju meditazzjoni profonda fuq min hu Ġesù għalina.   

    Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna dan l-Avvent ngħixuh mal-liturġija. Min ma jistax imur il-quddies kuljum nissuġġerilu li almenu jara l-qari tal-Liturġija. Illum fuq l-internet issibuh b’diversi lingwi anke bil-Malti. U jkun mument fejn aħna nippreparaw tassew spiritwalment dan l-Avvent.  

    Jiena nixtieq nirringrazzjakom ukoll tal-ambjent ta’ talb li kellna dalgħodu. Kemm huwa importanti li aħna nieqfu bħala qaddejja tal-poplu ta’ Alla u nisimgħu lis-Sinjur, lil dak li qed jagħtina l-missjoni li nieħdu ħsieb mhux biss l-amministrazzjoni tal-beni tal-Knisja imma li aħna niltaqgħu man-nies immarkati b’tant problemi, tant bżonnijiet li huma l-isptar li aħna msejħin biex noperaw fih. Aħna lkoll fl-isptar ta’ Kristu. San Ġorġ Preca għandu ktieb ħelu jismu “L-Isptar ta’ Kristu” u jimmaġina lil Ġesù tabib u jdur sala sala u jgħidlu ‘hawnhekk is-sala tal-għira’ u Ġesù jagħti riċetta għall-fejqan mill-għira. Kemm kellu immaġinazzjoni kbira San Ġorġ Preca. Is-sala tal-għażż, is-sala tal-lussurja, is-sala tar-rabja. Ħafna mard spiritwali li kultant jiġġenera f’mard fiżiku wkoll u Ġesù t-tabib li jfejjaq.        

    Intom qed taħdmu f’diversi ‘mis-swali tal-isptar’ li huwa l-poplu ta’ Alla, mhuwiex biss sptar. Ħafna drabi t-tabib għandu jkun marid hu wkoll. Infatti meta mar Nazaret ikkwotalhom “tabib fejjaq lilek inifsek” għax it-tabib jista’ jkun hu stess marid imma ma jfissirx li mhuwiex tabib. Jiġifieri l-Knisja, hi u tfejjaq, tifhem li hija miġruħa fiha nnifisha. Imma taf li r-riċetta li għandha, il-mediċina li toffri, il-parir li tagħti mhumiex tagħha. Huma ta’ dak li ġie mhux għal min hu b’saħħtu imma għal min hu marid biex joffrilu l-fejqan.

    ✠ Charles J.Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta