• Il-Knisja f’Malta qed tagħmel ċensiment dwar l-attendenza tal-Quddiesa tal-Ħadd. Ser isir ukoll studju bbażat fuq kampjun rappreżentattiv tar-residenti f’Malta, li fih mistennija jieħdu sehem mhux biss l-Insara imma wkoll dawk li ma jmorrux il-knisja jew li ma jħaddnux il-fidi Kattolika. Din hija l-ewwel darba li qed isir eżercizzju bħal dan fl-Arċidjocesi ta’ Malta, bil-għan li l-Knisja tkun tista’ taqdi aħjar il-ħtiġijiet pastorali tal-Insara filwaqt li tippjana l-ħidma tagħha fis-soċjetà għas-snin li ġejjin.

    Iċ-ċensiment dwar l-attendenza tal-Quddiesa qed isir bejn is-Sibt u l-Ħadd, 2 u 3 ta’ Diċembru 2017, permezz ta’ formola li timtela minn kull min jattendi l-Quddiesa u għamel l-Ewwel Tqarbina. L-istudju xjentifiku li jikkonsisti fi kwestjonarju, ser isir fil-jiem ta’ wara. Kull min jieħu sehem fiċ-ċensiment, kif ukoll min jipparteċipa fil-kwestjonarju, jagħmel dan b’mod anonimu.

    Dan hu l-ħames ċensiment li qed isir fl-Arċidjocesi ta’ Malta mill-1967 sal-lum. L-aħħar ċensiment kien sar fl-2005 u din id-darba wkoll qed jitmexxa mill-Istitut tal-Knisja għar-Riċerka dwar is-Sinjali taż-Żminijiet, DISCERN.