The journey towards the rights of persons with disability

  • Artiklu miktub mid-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Dun Martin Micallef, fl-okkażjoni tal-ġimgħa ddedikata lill-persuni b'diżabilità.

    Aktar minn ħamsin sena ilu Dun Mikiel Azzopardi, saċerdot Malti li tant kien attiv fi ħdan l-Azzjoni Kattolika Maltija, fil-qasam edukattiv kif ukoll fuq il-mezzi tax-xandir kien iħoss li diversi persuni b’diżabilità f’Malta kienu qed jgħixu fi stat ta’ faqar, fi stat deplorabbli. Tant li kienu jinħbew fil-kantini, f’ambjenti inumani għall-aħħar, fejn kultant lanqas l-aħwa tagħhom stess ma kienu jkunu jafu bihom. Persuni oħra b’diżabilità kienu spiss jiġu rredikolati fil-pubbliku jew mibgħuta f’xi sptar mhux adattat għalihom. Dun Mikiel kien iħoss ukoll li diversi familji ta’ persuni b’diżabilità kellhom bżonn urġenti li jsibu min joffrilhom solljiev, minn joffrilhom l-appoġġ meħtieġ biex jgħixu ħajja dinjituża b’rispettt sħiħ lejn id-dinjità tagħhom.

    Kien hawn li nibtet fih l-idea li jsib post li fih dawn il-persuni jsibu ambjent fejn jgħixu - ambjent li jixirqilhom u jirrispetta d-dinjità tagħhom. Għaldaqstant, fit-12 ta’ Settembru 1965, irċieva donazzjoni ġeneruża ta’ Lm100, minn mara li kienet faddlithom biex tmur fuq btala. Dan kien il-ġenesi tad-Dar tal-Providenza, l-ewwel dar f’Malta li bdiet toffri servizzi residenzjali lill-persuni b'diżabilità. Il-ħidma ta’ Dun Mikiel, kif ukoll ta’ pijunieri oħra fil-qasam tal-persuni b’diżabilità kif ukoll ta’ għaqdiet mhux governattivi bil-mod il-mod kabbret l-għarfien fost is-soċjetà Maltija li rridu nkissru l-ostakli li jimpedixxu lill-persuni b’diżabilità jgħixu ħajja dinjituża u jkunu huma wkoll protagonisti fis-soċjetà.

    Il-gvernijiet ta’ dak iż-żmien ukoll bdew jindunaw li jekk il-persuni b’diżabilità mhux se jkollhom qafas ta’ għajnuniet soċjali kif ukoll li jibdew jiżżarmaw l-ostakli li jimpedixxu d-drittijiet tagħhom, dawn il-persuni se jibqgħu jgħixu f’riskju ta’ faqar, diskriminazzjoni u esklużjoni soċjali. Kien fis-snin ħamsin meta bdew jinfetħu l-ewwel skejjel hekk imsejħa ‘speċjali’ għall-persuni b’diżabilità. Kellna l-introduzzjoni tal-pensjoni tal-persuni b’diżabilità fis-snin sebgħin, il-liġi li tassigura li tnejn fil-mija tal-impjegati jkunu persuni b’diżabilità, il-ftuħ taċ-ċentri ta’ matul il-jum għall-adulti b’diżabilità kif ukoll għajnuniet oħra.

    Tletin sena ilu mbagħad kellna t-twaqqif tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità li kienet determinanti ħafna fil-progress li sar f’dan il-qasam b’mod speċjali bis-sehem tagħha f’pajjiżna jkollna liġi li tiggarantixxi d-drittjiet lill-persuni b’diżabilità. Din il-liġi, l-ewwel waħda tal-millenju, imsejħa Liġi Opportunitajiet Indaqs (Persuni b’Diżabilità), offriet d-dritt li kull persuna li tħossha diskriminata minħabba b’diżabilità tagħha tista’ titlob li din d-diskriminizazzjoni titwaqqaf u tingħata rimedju ġust. Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità, illum imsejħa Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, kienet strumentali biex il-Gvern jiggarantixxi l-edukazzjoni inklussiva fl-iskejjel tagħna kif ukoll firxa ta’ servizzi fil-komunità u għajnuniet oħra. It-twaqqif tal-Agenzija Sapport kien ukoll pass fid-direzzjoni t-tajba biex jiggarantixxu s-servizzi kollha meħtieġa biex il-persuni b’ diżabilità jkollhom l-appoġġ kollu meħtieġ tul il-ħajja kollha tagħhom.

    Fl-2012 Malta rratifikat il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittjiet tal-Persuni b’Diżabilità, liema Konvenzjoni għandha l-għan li tippromovi, tipproteġi u tassigura t-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet umani u l-libertajiet fundamentali kollha mill-persuni b’dizabilita’ kollha, u li tippromovi rispett lejn id-dinjità intrinsika tagħhom. Bħalissa din il-Konvenzjoni qiegħda fi stat li tiġi inkorporata fil-Liġi Maltija biex b'hekk id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità jkomplu jiġu mħarsa u mqawwija b'kull mod possibli.

    Żviluppi importanti oħra f’dawn l-aħħar snin kien li sar sforz qawwi biex min iħaddem ma jonqosx mid-dover tiegħu kif titlob il-liġi li jimpjega persuni b’diżabilità. Dawn l-isforz qed iwassal biex illum għandna aktar persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol kif inhu dritt tagħhom. Sar sforz ukoll biex ikomplu jinfeħtu aktar djar fil-komunità. Insemmu wkoll lil sena ilu l-parlament Malti għadda wkoll liġi li tirrikonoxxi l-Lingwa tas-Sinjali Maltija bħal lingwa uffiċċjali. Kien pass tajjeb ukoll li l-pensjoni tad- b’diżabilità tkun daqs il-paga minima għal dawk il-persuni b’diżabilità li assolutament ma jistgħux jaħdmu għax bl-għoti ta’ 58% tal-paga minima konna qed nirrikonoxxu li dawn il-persuni qed jgħixu fil-faqar.

    Il-Knisja f’Malta wkoll kompliet tagħti s-sehem tagħha fil-progress li sar f’dan il-qasam. Fl-1991, waqqfet taqsima fi ħdan il-Kummissjoni Kateketika biex tieħu ħsieb l-iżvilupp tal-fidi tal-persuni b’diżabilità, li llum qed taħdem biex toffri r-riżorsi meħtieġa biex tfal b’diżabilità intellettwali jkollhom bħal ħaddieħor aċċess sħiħ għall-ħajja tal-fidi. Fl-istess żmien twaqqfet ukoll il-Kummissjoni Pastorali Persuni b’Diżabilità biex tkun l-organu uffiċjali tal-Arċidjoċesi għall-pastorali tal-persuni b’diżabilità. Interessanti li fid-dokument tas-Sinodu Djoċesan Djakonija u Ġustizzja (2003) ġie enfasizzat li filwaqt li l-Knisja f’Malta minn dejjem kellha tradizzjoni ta’ ħidma favur dawk li huma fil-bżonn, u li l-ġenerożità tal-poplu Malti f’oqsam ta’ emerginazzjoni u faqar fuq livell lokali u internazzjonali minn dejjem kienet waħda mill-isbaħ karatteristiċi tagħha, irridu ngħaddu biex niggarantixxu u nħarsu d-drittjiet umani ta’ kull persuna.

    Għalkemm ilkoll naqblu li s-sehem ta’ pijunieri fil-qasam tal-persuni b’ diżabilità, għaqdiet mhux governattivi, il-Gvern u l-Knisja għenu u qed ikomplu jaħdmu biex il-persuni b’diżabilità jkun stmati ndaqs f’pajjiżna, jibqa’ l-fatt li dan qatt mhu biżżejjed biex id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità jiġu protetti u mħarsa. Tajjeb għalhekk li llkoll inkomplu naħdmu biex dawn id-drittijiet jiġu applikati fil-ħajja ta' kuljum tal-individwi. Huwa għalhekk li għad baqalna ħafna x'nagħmlu f'dan ir-rigward bħal pereżempju li:

    • il-persuni b'diżabilità jkollhom aċċess għad-dritt li jagħżlu huma fejn u ma’ min joqgħodu. 
    • il-persuni b’diżabilità jkollhom aċċess għal kull post ta' divertiment u kultura fuq livell ugwali tal-kumplament tas-soċjetà.
    • li s-soċjetà inġenerali titgħallem tuża’ lingwaġġ favur l-inklużjoni u l-ugwaljanza.
    • il-persuni b'diżabilità jkollhom aċċess għall-ġustizzja fuq livell ugwali tal-kumplament tas-soċjetà.


    Bħala l-persuna responsabbili mid-Dar tal-Providenza, nista’ ngħid li d-Dar se tibqa’ impenjata li tkompli tagħti s-sehem tagħha fejn meħtieġ biex din il-Konvenzjoni tkompli tissarraf f’azzjonijiet konkreti li jissalvagwardjaw id-drittijiet u l-inkużjoni tal-persuni b’diżabilità. Nemmen li bħala soċjetà ma nistgħu qatt nieqfu naħdmu biex il-persuni b’diżabilità jkollhom id-drittjiet tagħhom salvagwardjati.