• ***

    Direttur:          James Franco

    Atturi:              James Franco, Dave Franco, Seth Rogen, Alison Brie, Ari Graynor, Josh Hutcherson, Jacki Weaver, Zac Efron, Hannibal Buress u Andrew Santino

    Ħin tal-Film:    105 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18

    Fl-1998, ġewwa San Francisco, Greg Sestero, żagħżugħ attur, kien jittama li xi darba jsir attur famuż. Hu jiltaqa’ ma’ Tommy Wiseau, bniedem misterjuż, waqt sessjoni għall-atturi promettenti. Wiseau, fil-klassi jittanta jagħti preżentazzjoni li xejn ma għoġbot lil Shelton, iżda, għal kontrarju, Sestero baqa’ infatwat għal dak li ra. Wiseau u Sestero saru ħbieb intimi, ħbiberija stramba. Wara ftit ġimgħat, Wiseau ssuġġerixxa li t-tnejn imorru Los Angeles biex jibdew il-karriera tagħhom bħala atturi.

    Wara ftit ġimgħat li jaslu Los Angeles, Sestero jiffirma kuntratt ma’ Iris Burton, aġent żagħżugħa, waqt li Wiseau ma jkunx aċċettat minn aġenżiji u diretturi b’influenza kbira ġewwa Hollywood. Matul dan iż-żmien, Sestero jibda relazzjoni ma’ Amber li kien iltaqa’ magħha ġewwa nightclub. Sfortunatament, Wiseau jibda jgħir għal Sestero li twasslu wkoll biex jibda jkun temperamentali u mdejjaq u jħossu li ma kien jiswa’ għal xejn. Riżultat ta’ din il-qagħda, Wiseau jibda jaħseb biex jerġa’ lura lejn San Francisco. Sadanittant, Sestero wkoll ma jkollux tant suċċess waqt awdizzjoni li jkollu. Hu jaqsam ma’ Wiseau d-diżappunt li kien qiegħed iħoss u kemm kien jixtieq li jsib mezz kif hu jkun jista’ jieħu sehem f’xi film.

    Wiseau litteralment jaċċetta dan is-suġġeriment. Jgħaddu tliet snin waqt li Wiseau jikteb l-iskript ghal film: The Room u jippreżentah lil Sistero, li għalkemm jagħraf  l-inkoerenza fl-iskript, jirsisti ma’ sieħbu, li kien tajjeb ħafna. Wiseau joffri l-parti ta’ Mark lil Sistero u dan jaċċetta għalkemm ma tantx deher kuntent. Wiseau jikri kumpanija tal-films Burn & Sawyer ġewwa North Hollywood waqt li jirsisti li jixtri l-apparat tal-produzzjoni minn flusu. X’jiġri minn hawn hekk kif jibda l-ġbid tal-film: The Room? X’sejjer ikun il-prodott finali, b’Wiseau bħala d-direttur, l-kittieb u l-attur prinċipali tal-film?

    Film Amerikan, kummiedja-dramm biografiku, taħt id-direzzjoni ta’ James Franco u kitba ta’ Scott Nausadet u Michael H. Weber. Minħabba li l-film fih xeni ta’ nudita’, koabitazzjoni, xi kliem profan kif ukoll kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.