• Direttur:          Bharat Nalluri                 

    Atturi:              Dan Stevens, Christopher Plummer, Jonathan Pryce, Simon Callow, Donald Sumpter, Miiam Margolyes, Morfydd Clark u Justin Edwards

    Ħin tal-Film:    104 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 PG

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      PG

    Ninsabu fis-sena 1843, fejn niltaqgħu ma’ Charles Dickens li qiegħed jagħmel ħiltu kollha biex jerġa’ jikseb il-popolarità u l-fama li kien gawda għal tant snin qabel meta rnexxielu bin-novelli tiegħu, isir wieħed mill-aħjar kittieba ta’ żmienu.  Sfortunatament, l-aħħar tliet novelli li kiteb xejn ma marru tajjeb tant li beda jinkwieta ħafna minħabba li bdew jonqsu l-flus. Kif qiegħed jiġi wiċċ imb wiċċ mhux biss li kien qiegħed iħossu niexef mill-ideat, iżda agħar għaliex dawk li kienu qegħdin jippubblikaw in-novelli tiegħu bdew jiġru warajh.

    F’ħin minnhom tiġih idea li jikteb storja li jkollha x’taqsam mal-festi tal-Milied. Dickens beda jittama li permezz ta’ din in-novella, mhux biss jerġa’ jqajjem l-immaġinazzjoni tal-qarrejja iżda wkoll tgħinu ssolvi l-problemi finanzjarji li kellu mal-pubblikaturi. Problema kbira iżda kienet li kien għad baqa’ biss sitt ġimgħat għal Milied u matul dan iż-żmien, Dickens, mhux biss kellu jikteb l-istorja iżda wkoll li tkun stampata u ppubblikata fil-ħin. Għal dan il-għan Dickens jingħalaq waħdu f’kamartu biex jiġbor l-ideat kollha li kellu u jkun jista’ jikteb storja li terġa tqajjem l-interess fuq dak li kien jikteb.

    Iżda fejn kien joqgħod, ma kienx daqshekk post kwiet li issa wkoll daħal joqgħod magħhom missieru, John, li kien xi ftit jew wisq disklu. Dickens kien jikteb din l-istorja matul il-lejl u beda jikkonċentra l-ħsibijiet tiegħu fuq il-memorji tiegħu stess ta’ tfulitu. U jkun hawn li joħloq l-ispirtu tal-Milied Passat, il-Milied Preżent u l-Milied Futur. Dawn it-tliet spirti jpoġġihom fuq kolliżjoni diretta mal-qammiel Ebenezer Scrooge, bniedem misantropu għall-aħħar. Kif irnexxielu Dickens joħloq storja immaġinativa li llum hi kkunsidrata bħala waħda mill-isbaħ stejjer u meqjusa bħala kapolavur? Xi problemi tfaċċaw għal Dickens mill-pubblikaturi Chapman u Hall?  Kif solva din id-diffikultà serja?

    Film, dramm għaż-żmien tal-Milied, taħt id-direzzjoni ta’ Bharat Nalluri, kitba ta’ Susan Coyne, msejjes fuq il-ktieb bl-istess isem, miktub minn Les Standford. In-novella A Christmas Carol toffri storja ħelwa għal Milied b’messaġġ pożittiv, grazzi għal Charles Dickens.