• *****

    Direttur:          Rian Johnson

    Atturi:              Mark HamilL, Carrie Fisher, Adam Driver, Daisy Ridley, John Boyega, Oscar Isaac, Andy Serkis, Lupita Nyong’o, Domhnall Gleeson u Anthony Daniels

    Ħin tal-Film:    152 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       12

    Ir-Reżistenza taħt it-tmexxija tal-Ġeneral Leia Organa, jevakwaw il-bażi ewlenija meta l-bastiment spazjali tal-Ewwel Ordni, flimkien ma’ flotta kbira, jaslu fuq il-pjaneta. Għalkemm offrew reżistenza kontra din l-invażjoni, kellhom jabbandunaw il-pjaneta u jaħarbu fuq hyperspace. Il-kmandant Poe Dameron jiġi mċanfar minn Organa minħabba l-kontra attakk li falla, waqt li l-Ġeneral Hux tal-Ewwel Ordni wkoll jaqla’ ċanfira minn Snoke, il-Mexxej Suprem, minħabba li ma rrnexxilux jimblokka r-Reżistenza milli taħrab minn fuq il-pjaneta.

    Iżda Hux malajr jerġa’ jsib fejn kienu jinsabu r-Reżistenza. Ir-Reżistenza ssib ruħha f’periklu kbir għax għalkemm l-vettura spazjali kellha mobiltà tajba, aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, ftit li xejn setgħu jkomplu jirreżistu l-attakk li Hux fetaħ fuqhom. Waqt l-attakk, il-Ġeneral Organa tisfa’ feruta gravi. Finn, Rose Tico, BB-8 u Poe xejn ma qablu li r-Reżistenza toffri reżistenza daqshekk passiva u għalhekk jiddeċiedu fuq pjan ta’ kif sejrin jinvalidaw it-tmexxija ġdida taħt il-Viċi Ammirall Amilyn Holdo.

    Sadanittant, Luke Skywalker jiżola ruħu ġewwa Ahch-To, pjaneta diżabitata, sakemm l-iżolament tiegħu jiġi interrompat mal-wasla ta’ Rey li marret hemm b’messaġġ minn Leia, oħtu t-tewmija. Fil-messaġġ, Leia titlob l-għajnuna urġenti ta’ ħuha  biex juża l-kapaċità ta’ gwerrier ta’ fama kontra l-qawwiet faxxisti tal-Ewwel Ordni taħt il-mexxej malinn Snoke. Luke ma jaċċettax li jidħol f’dan il-konflitt iżda jaċċetta li jagħllimha s-sengħa tal-Force. Rey ikollha bżonn l-enerġija spiritwali misterjuża u l-qawwa tal-qlubija ta’ Luke. Rey tikkonfronta lil Kylo Ren, iben Leia, f’dehra. Ren darba kien persuna tajba iżda issa kien jinsab fuq in-naħa tal-Ewwel Ordni.

    Minn dan il-konfront, Luke jsir jaf li Han Solo kien miet. Luke jispjega lil Rey l-Forza u fl-istess waqt jammetti l-falliment tiegħu bħala Jedi Master. Luke u Kylo Ren jagħtu verzjoni differenti ta’ kif ġraw l-ġrajjiet. Riżultat ta’ dan, Luke mar jgħix ħajja ta’ eremit waqt li Ren, wara dan il-falliment, ma riedx  jingħaqad mar-Reżistenza. Luke sadanittant jara l-ispirtu ta’ Yoda li ċċanfru li qatt ma tagħllem mill-iżballji tiegħu. X’jiġri minn hawn?

    Film Amerikan ta’ fantaxjenza, taħt id-direzzjoni u kitba ta’ Rian Johnson. It-tieni film minn tlieta, l-ewwel wieħed kien:  Star Wars: The Force Awakens. Minħabba vjolenza, xena ta’ tortura u xi kliem goff u profann, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għaqu t-tnax-il sena.