Precautions on spreading influenza and Prayer for rain

A Circular released by the Archbishop's Curia, Monday 8th January, 2018


  • KONTRA T-TIXRID TAL-MARD

    Kif nafu lkoll, bħalissa xterdet ħafna l-influwenza. Hu importanti ħafna li aħna nieħdu l-miżuri kollha biex nevitaw dak kollu li b’xi mod jista’ jxerred il-mard, speċjalment fejn jinġabru numru kbir ta’ nies bħall-knejjes jew swali tal-Knisja.

    Għalhekk, min jiċċelebra l-Quddiesa għandu jassigura ruħu li jkun iddiżinfetta idejh sewwa qabel ma tibda l-Quddiesa u, f’każ ta’ bżonn, qabel jibda jqarben. L-istess il-Ministri Straordinarji tat-Tqarbin, kif ġa hi drawwa regolari, għandhom jassiguraw li jiddiżenfettaw idejhom qabel ma jqarbnu.

    Nagħmlu lkoll ħilitna biex nevitaw it-tixrid tal-mard. Nitolbu għal dawk kollha li huma bħalissa morda u wkoll għal dawk li qed jikkurawhom u jduru bihom kemm fid-djar kif ukoll fl-isptarijiet biex il-Mulej jagħtihom l-għajnuna li jeħtieġu.

     


  • TALB GĦAX-XITA

    Qed jinħass ħafna n-nuqqas ta’ xita, u numru ta' bdiewa u persuni oħra wrew ix-xewqa li nitolbu għax-xita, li hi tant meħtieġa.

    Tkun ħaġa f'waqtha li nqiegħdu quddiem il-Mulej it-talba tagħna biex ikollna xita fejjieda, f'ħinha u u f'waqtha, li tagħmel il-ġid.