• ****

    Direttur:          Martin McDonagh

    Atturi:              Frances McDormand, Woody Harrelson, Sam Rockwell, John Hawkes, Peter Dinklage, Lucas Hedges, Abbie Cornish u Samara Weaving

    Ħin tal-Film:    115 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18       

    Mildred Hayes hi divorzjata u għalkemm għaddew seba’ snin mill-mewt kiefra tat-tifla tagħha Anġela, għadha tinsab irrabjata ħafna li ftit li xejn sar żviliupp fuq min kienet il-persuna li qatlet lil Anġela wara li stupraha.

    Qrib id-dar tagħha, kien hemm tliet bords kbar li għal dawn l-aħħar snin ma baqgħux jintużaw. Mildred iddeċidiet li tikrihom u tpoġġi fuqhom tliet kartelluni kbar, bl-isfond aħmar u bi kliem kbar suwed li kienu jinqraw: “RAPED WHILE DYING”, “STILL NO ARRESTS”, “HOW COME, CHIEF WILLOUGHBY”. Dawn il-bords qajjmu ferment sħiħ fil-belt ta’ Ebbing ġewwa Missouri. L-iktar li ħaduha bi kbira kienu l-istess Sherrif Willoughby u l-uffiċjal Jason Dixon. Willoughby kien iħoss li Mildred ma kenitx ġusta miegħu għaliex hu għamel ħiltu biex isib il-qattiel iżda provi ċari ma kienx hemm. Il-fatt li kulħadd kien jaf li Willoughby kien qiegħed isofri minn kankru pankreatiku terminali, ġiegħel lil ħafna ma japprovawx dak li għamlet Mildred.

    Riżultat ta’ dan, kemm Mildred, kif ukoll binha Robbie bdew ikunu mhedda u mminaċċjati. Kien kollu għalxejn meta l-kappillan ipprova jipperswadiha biex tneħħihom. Mildred sa anke waslet li kelmet ħażin lill-kappillan. L-uffiċjal Dixon xejn ma ħa pjaċir b’kif Mildred bdiet turi nuqqas kbir ta’ rispett lejn l-awtorità u ħada f’idejh li jmur jhedded lil Red li kien krielha l-bords u barra hekk anke arresta lil ħabiba tagħha li kienet taħdem magħha fuq każ li ġara ftit ġranet qabel meta nstabet fil-pussess tad-droga marijuana. Mildred ikollha żjara mill-eks raġel tagħha li kien abbużiv u jgħidilha li kulma kien ġara lit-tifla kien kollu tort tagħha. Mildred tispiċċa investigata minn Willoughby fuq inċident li kellha ghand id-dentist. Matul din l-investigazzjoni, Willoughby iħossu ħażin u jispiċċa l-isptar. Kien jidher ċar li l-kankru li kellu kien wasal fi stat avanzat. X’jiġri minn hawn?  L-affarijiet jibdew jieħdu xejra iktar serja u jibdew isseħħu inċidenti li jweġġgħu lin-nies. Kif sejra tispiċċa din il-ġrajja?

    Film Amerikan, kummiedja sewda, taħt id-direzzjoni u kitba ta’ Martin McDonagh. Minħabba referenzi fuq possessjoni ta’ droga, xena ta’ suwiċidju, vjolenza u kliem goff waqt konfrontazzjoni emozzjonali bejn il-karattri,  ikun jaqbel li l-film jarawh dawk li għalqu t-tmintax-il sena.