• ***

    Direttur:          Scott Cooper

    Atturi:              Christian Bale, Rosamund Pike, Wes Studi, Ben Foster, Rory Cochrane, Stephen Lang, Timothèe Chalamet u Jesse Plemons

    Ħin tal-Film:    135 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      15

    Fis-sena 1892, il-qagħda fin-New Mexico fl-Amerika, xejn ma kienet feliċi bejn l-indiġeni magħrufa bħala Comanches u Apaches u l-kolonizzaturi l-ġodda. Mill-bidu naraw dawn x’kienu kapaċi jagħmlu lil xulxin u l-ħruxija li kienu jwettqu. L-ewwel każ kien meta l-Comanches jattakkaw familja li kienet tgħix ħajja kwieta sakemm jiġu attakkati b’mod brutali mill-Camanches. Il-missier jinqatel waqt li ż-żewgt ibniet u t-tarbija jinqatlu b’tiri ta’ arma. L-omm biss, Rosalie Quaid, jirnexxila taħrab. Każ ieħor li nassistu għalih u li jseħħ ftit ġimgħat qabel, ikun meta suldati Amerikani, taħt it-tmexxiija tal-Kaptan Joseph Blocker, jabbużaw familja indiġena Amerikana b’mod tassew aggressiv u inuman. Il-Kaptan Blocker ma kienx xi brigand. Dak li kien jagħmel kien parti minn dmiru bħala suldat lejn pajjiżu.

    Dan kollu kellu jieħu xejra oħra għal Blocker meta pajjiżu riedu li jwassal qawwi u sħiħ, f’art twelidu, wieħed mill-mexxejja Cheyenne, marid serjament u għadu kbir ta’ Blocker tul il-karriera tiegħu matul is-snin. Iċ-chief taċ-Cheyenne, Yellow Hawk, flimkien mal-familja tiegħu ġew meħlusa mill-ħabs  u Blocker ġie ordnat biex ikun ix-xaparon li jwassalhom f’arthom ġewwa l-Valley of the Bears f’Montana. Blocker xejn ma ħa pjaċir b’din l-ordni mill-Kurunell Abraham Biggs.  Għal bidu kien sejjer jirribella kontra din l-ordni li kien ifisser għalih  li jispiċċa l-karriera tiegħu ta’ suldat ġewwa ħabs militari. Kienet daqqa ta’ ħarta għalih għax Yellow Hawk, ma kien xejn għalih, ħlief qattiel bla ħniena u l-familja tiegħu li kienet tikkonsisti f’ibnu Black Hawk, martu Elk Woman u binhom, ma kienux aħjar minnu. Blocker ukoll kellu jieħu ħsieb is-Surġent Charles Wills, kriminal, u jieħdu t-tramuntana fejn hemm kellu jgħaddi qorti marżjali. Fl-iskorta, Blocker kellu wkoll lil Philppe DeJardin, suldat sempliċi, il-lieutenant Rudy Kidder, is-surġent Thomas Metz u l-Korporal Henry Woodson.

    Fi triqthom, jiltaqgħu ma’ Rosalie Quaid li kienet għadha kif għaddiet mit-traġedja tal-familja tagħha. Blocker jiddeċiedi li jwassalha għand familja biex tieħu ħsiebha għal ftit wara t-trawma li għaddiet minnha. X’jiġri minn hawn? Tgħid jirnexxielu Blocker iwettaq il-missjoni li ġiet afdata f’idejh, missjoni perikoluża u diffiċli? Film Amerikan tal-perjodu ‘western’, taħt id-direzzjoni u kitba ta’ Scott Cooper. Minħabba vjolenza kif ukoll kliem goff ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.