• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Katidral tal-Imdina
    22 ta’ Jannar 2018

    “Inżomm lill-Mulej dejjem quddiemi għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek” (S 15, 8). Min jaf kemm-il darba f’mumenti ta’ diffikultajiet enormi, f’mumenti ta’ solitudni u ta’ periklu għall-ħajja tiegħu stess, il-maħbub Isqof Silvestru ftakar f’dawn il-kliem tas-Salm 15: “Inżomm lill-Mulej dejjem quddiemi għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek”.

    Kienet deċiżjoni tiegħu, ta’ ragħaj tajjeb, li jagħti ħajtu għall-merħla u dan jixhduh l-awtoritajiet tal-Istat Malti li nixtieq nirringrazzja ta’ kemm ħadu ħsiebu; kienet id-deċiżjoni li kemm jista’ jkun jibqa’ mal-komunità ċkejkna tiegħu ġewwa Bengażi. Konna nafu li kien segwit mill-awtoritajiet tagħna, l-awtoritajiet tal-pajjiż u din il-ħaġa kienet tagħtina faraġ kbir.

    Fil-persuna ġwejda, modesta u umli tiegħu seħħet il-kelma tal-Evanġelju.

    Illum rridu nsellmu wkoll lis-suċċessur tiegħu, Mons. George Bugeja, li qed jieħu ħsieb kemm Tripli u dak li baqa’ minn Bengażi. Xtaq ħafna li llum ikun magħna imma ma setax jasal fiżikament għax l-airport fi Tripli magħluq, imma jasal illejla. Aħna nixtiequ nsellmu lilu u lill-komunità Nisranija fil-Libja.

    Mons. Silvestru ta ħajtu għal dawk il-komunitjiet żgħar minn diversi nazzjonalitajiet. Fil-persuna ġwejda, modesta u umli tiegħu seħħet il-kelma tal-Evanġelju “għaliex il-ġnus kollha raw is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna” (Lq 2, 30). Raw fih dak id-dawl tal-ġnus bħal fjakkola ċkejkna u umli li tiddi fi dlam kbir. Kull min jiltaqa’ mal-Isqof Silvestru kien jirrealizza li qiegħed fil-preżenza ta’ bniedem ta’ Alla mingħajr pretensjoni imma b’xewqa kbira li jagħti ħajtu. Iben dehen ta’ San Franġisk għaliex kien dejjem persuna ta’ djalogu, persuna ta’ paċi: “Ħenjin dawk li jġibu l-paċi”. Imma fl-istess ħin il-Mulej sejjaħlu biex ikun f’ambjent fejn Ġesù kien sinjal li jmeruh (v. 34), hu kien xhud ukoll tal-kefrija ta’ min minħabba l-intollerenza tiegħu ma jistax iġerraħ li jkun hemm xi ħadd ma jaqbilx miegħu jew mhux tal-istess reliġjon tiegħu.

    Jekk għandna u għandna ħafna martri mingħajr iċ-ċarċir ta’ demm, illum qegħdin insellmu wieħed minnhom.

    F’persuni bħall-Isqof Silvestru Magro l-Knisja tidher fis-sbuħija vera tagħha, fil-martirju tagħha, fix-xhieda ta’ min jagħti ħajtu sal-aħħar. Għax jiena llum irrid infakkar il-figura ta’ dan l-isqof bħala isqof martri. Ma ħallix u ma ċarċarx demmu fil-Libja imma ta ħajtu anke fiżikament lil dik il-komunità Nisranija li tagħha kien ragħaj. Jekk għandna u għandna ħafna martri mingħajr iċ-ċarċir ta’ demm, illum qegħdin insellmu wieħed minnhom. Id-diffikultajiet psikoloġiċi, fiżiċi, it-tbatija, il-qtigħ il-qalb, l-allarm kontinwu, il-faqar impost miċ-ċirkustanzi, il-fatt li inti trid tgħix f’żewġt ikmamar, ma tistax toħroġ għal diversi xhur, il-vjaġġi kontinwi biex tilħaq il-komunitajiet fl-oil rigs li kien hemm, u tikkomunika b’diversi lingwi huma kollha mod kif Silvestru, l-Isqof Magro, ta ħajtu konkretament.

    L-Isqof Silvestru Magro kien ambaxxatur ta’ qalb kbira li hemm bżonn nindukraw u nippromwovu.

    Ilkoll kemm aħna nġorru fil-qalb tagħna l-memorja sabiħa tiegħu. Għadda minn din il-ħajja fit-tmiem tat-talba lil għażiż San Ġużepp. San Ġużepp illum jilqgħu flimkien ma’ San Franġisk u mal-Madonna, ma’ San Publiju u San Pawl fis-saltna tal-Mulej. Hu emmen li Ġesù huwa l-Mulej u emmen fil-qawwa tas-salib imqaddes tiegħu kif emmen ukoll fil-qawwa tal-irxoxt tal-Mulej. Kien ambaxxatur ħlejju ta’ dak kollu li jagħmilna Maltin. Aħna lqajna lill-Appostlu Pawlu, u Publiju f’isimna laqa’ n-nawfragi kollha għal tlitt ijiem fl-oqsma tiegħu f’Burmarrad. Aħna nibqgħu magħrufa fl-Iskrittura bħala poplu ta’ akkoljenza, poplu ta’ qalb kbira, u kull fejn kien l-Isqof Silvestru Magro kien ambaxxatur ta’ din il-qalb kbira li hemm bżonn nindukraw u nippromwovu. “Ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwwiet,” jgħid il-Mulej.

    Għażiż Isqof Silvestru, il-Mulej sejjaħlek biex tirċievi l-kuruna tar-Ragħaj it-Tajjeb, il-kuruna tal-martri. Il-Mulej sejjaħlek biex tidħol fil-kenn u l-faraġ tiegħu. Itlob għalina, itlob għal ħutek il-Franġiskani, għalina l-Maltin u l-Għawdxin biex aħna nkunu xhieda bħalma kont int tal-imħabba tal-Mulej li ma tħarisx lejn l-uċuh, li ma tagħmilx distinzjoni bejn Lhudi u Griegi, li għal kulħadd għax il-Mulej hu s-sid ta’ kulħadd u għani ma’ dawk kollha li jsejħulu. “Imma kif jistgħu jsejħu lill-Mulej jekk ma jemmnux fih? Kif jistgħu jemmnu fih jekk ma jkunux semgħu bih? Kif jistgħu jisimgħu bih jekk xi ħadd ma jxandrilhomx lil Ġesù? Kif jista’ xi ħadd ixandrilhom jekk ma jkunx mibgħut?” (Rum 10, 14-15). Kemm huma sbieħ ir-riġlejn bħal tiegħek, għażiż Isqof Silvestru, ta’ dawk li jħabbru l-ġid, ta’ dawk li jxandru l-bxara t-tajba.

    Agħtina l-grazzja, itlob għalina biex jibqa’ jkollna d-demm missjunarju jiġri fil-vini tad-djoċesijiet tagħna. Agħtina u itlob l-grazzja għalina li aħna nkunu ragħajja skont il-qalb tal-Mulej u li skont ir-rieda tiegħu nkunu xhieda tal-imħabba tiegħu sal-aħħar. Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqu, jistrieħ fis-sliem.

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta 

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja (Ian Noel Pace)