• ****

    Direttur:          Sean Baker

    Atturi:              Willem Dafoe, Brooklynn Prince, Bria Vinaite,Valeria Cotto, Christopher Rivera, Mela Murder u Caleb Landry Jones

    Ħin tal-Film:    111 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18

    Moonee, tifla ta’ sitt snin, tgħix m’ommha Halley, omm żgħażugħa li minn dak li wieħed jista’ jiġġudika ma tantx kellha kontroll fuq ħajjitha b’riżultat negattiv fuq bintha. Halley u Moonie kienu jgħixu f’motel ġewwa Kissimmee, Florida qrib Walt Disney World. Issa li Moonie kienet fil-btajjel tas-sajf, flimkien ma’ Scooty u Dicky, sħabha li jgħixu fl-istess motel, kienu jgħaddu l-jum kollu jittantaw ix-xemx għaddejja, jitlajjaw madwar it-turisti, jisirqu u b’imġieba li turi li kienu tfal mitluqa għar-rashom.

    Jum wieħed, jistiednu lil Jancey, tifla li kienet kemm waslet fl-inħawi flimkien mal-ġenituri tagħha, biex toħroġ tilgħab magħhom. Jancey kienet toqgħod tefa’ ta’ ġebla mill-motel Magic Castle.  Wara inċident li ġara, missier Dicky jirrestrinġih milli joħroġ jilgħab magħhom iżjed u fi ftit jiem wara, il-familja kollha marru jgħixu f’New Orleans. Bobby li kien jieħu ħsieb il-motel Magic Castle kien jagħmel ħiltu biex jipproteġi lit-tfal kif fil-fatt ġara darba meta ġie raġel xwejjaħ fuq il-post biex jipprova jittanta lit-tfal. Bobby malajr intebaħ bih u keċċieh bl-herra.

    Sadanittant, Halley kienet qegħda ssibha diffiċli biex tħallas il-kera tal-post. Sabet mezz biex tiġbor ftit flus billi tixtri fliexken tal-fwieħa bl-irħis u mbaghad isib tbiegħhom lit-turisti fil-parkeġġi tal-lukandi fi qrib. Halley anke titlob lil Ashley, omm Scooty, biex tisraq ftit ikel mir-ristorant fejn kienet taħdem. Madankollu, Ashley taqta’ l-kuntatt minn Halley wara li ssir taf li Moonee, Scotty u Jancey, aċċidentalment taw in-nar lil dar abbandunata f’kondominju. Halley ukoll tibda tuża s-servizzi ghal prostituzzjoni online u kienet tagħlaq lil Moonee fil-kamra tal-banju meta kien ikollha xi klijent. Bobby jinduna b’din l-attività u japplika r-restrizzjoni fuq klijenti mhux reġistrati fil-motel. Halley ukoll tiġi wiċċ imb wiċċ ma’ raġel li kienet serqitlu l-permessi għad-dħul ġewwa Disney. X’sejra tagħmel Halley li sabet ruħha f’inkwiet ma’ Bobby u ftit wara wkoll ma’ Ashley meta marret titlobha xi flus? X’jiġri minn Moonee?

    Film Amerikan,  hu taħt id-direzzjoni ta’ Sean Baker, kitba ta’ Baker u Chris Bergoch. L-insiġ tad-dramm illaqqgħana ma’ omm u bintha li kienu jgħixu ġewwa motel, bl-omm li ftit li xejn kellha kontroll fuq ħajjitha, b’konsegwenza li l-eżempji negattivi bdew jirriflettu fuq din it-tifla ta’ sitt snin. Minħabba t-tema tad-dramm, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.