• ***

    Direttur:           James Foley

    Atturi:              Jamie Dorman, Dakota Johnson, Arielle Kebbel, Kim Basinger, Tyler Hoechin, Luke Grimes, Rita Ora, Eric Johnson, Marcia Gay Harden u Max Martini

    Ħin tal-Film:    105 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 18

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18

    Wara qamar il-għasel ġewwa l-Ewropa, Anastasia u Christian Grey jirritornaw lejn Seattle. Christian xejn ma deher kuntent li Anastasia żammet kunjomha, Steele, għal fuq ix-xogħol. Wara xi ftit ta’ reżistenza, Anna ċediet meta fehmet kemm kien importanti għal Christian li hi ġġib kunjomu, Grey. Christian jgħaddi bħala wieħed mir-rigal tat-tieġ lil Ana, l-Grey Independent Publishing.

    Meta Christian imur New York fuq negozju, Ana, kontra x-xewqat protettivi żejda ta’ żewġha, wara x-xogħol minflok marret lura d-dar, ħarġet ma’ ħabibta, Kate Kavanagh. Lura d-dar, Ana ssib ġewwa darha lil Jack Hyde, l-eks boss tagħha. Kien daħal bl-intenzjoni li jaħtafha. Dan ma sseħħx bl-intervent f’waqtu  tal-membri tas-sigurtà li Christian kien ħaddem miegħu biex iħarsu lil martu. B’Hyde arrestat u Christian lura d-dar biex jara x’ġara, ma ħax pjaċir b’dak li Ana għamlet. Ana min-naħa tagħha turih li ma kenitx kuntenta li hu kien tant possessiv fuqha u qaltlu bla tlaqliq li xtaqet li jkollha l-ispazju tagħha. Christian jissoprendiha billi ma’ sħabha, Kate, Mia, Elliot u Ethan, ħu Kate, jeħodhom Aspen.

    Sadanittant jiġru  ġrajjiet oħra, fosthom li Eliot jipproponi lil Kate biex tiżżewwġu waqt li missier Ana, Ray Steel ikollu inċident serju bil-karozza. Wara li joħrog mill-isptar, minn Portland jiġi Seattle biex jirkupra. Ftit jiem wara Ana jkollha għeluq sninha. Ma jonqsux is-sorpriżi minn Christian fosthom rigal ta’ karozza lussuża Audi R8. Ana wkoll issir taf li ħarġet tqila. Din l-aħbar xejn ma niżlet tajjeb ma’ Christian. Kien iħossu li ma kienx mħejji li jsir missier u kien beżgħan li Ana ma tibqax tħobbu bħal qabel meta titwieled it-tarbija. Christian joħroġ irrabjat mid-dar.

    X’jiġri minn hawn? Il-qagħda tkompli titħawwad meta Jack Hyde, barra mill-ħabs fuq pleġġ, icempel lil Ana biex jgħidilha li ħataf lil Mia Grey u biex tinħeles ried $5 miljun fi żmien sagħtejn. X’sejra tagħmel Ana meta ssib ruħha f’din il-qagħda perikoluża?

    Film Amerikan, erotiku u romantiku, taħt id-direzzjoni ta’ James Foley, kitba ta’ Niall Leonard msejjes fuq in-novella ta’ E. L. James. It-tielet u l-aħħar wieħed minn triloġija: Fifty Shades. Minħabba xeni b’mod grafiku ta’ għera u sess, kif ukoll lingwaġġ goff, tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss b’riżerva qawwija.