• Direttur:          Paul Thomas Anderson

    Atturi:              Daniel Day-Lewis, Lesley Manville, Vicky Krieps, Camilla Rutherford, Gina McKee, Brian Gleeson, Harriet Sanson Harris u Lujza Richter

    Ħin tal-Film:    130 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18

    Fis-snin ħamsin, ġewwa Londra, nsibu lil Reynolds Woodcock, magħruf sew bħala disinjatur u kreatur tal-ħwejjeġ tan-nisa għall-membri tas-soċjetà sinjura u nobbli fl-Ingilterra u anke fl-Ewropa. Il-kariżma u l-ġenwinità li kellu, kienu jlaqqgħu sew mal-ossessjoni u l-kontroll tal-personalità tiegħu. Oħtu Cyril kienet tmexxi l-operazzjoni kollha, minn jum għal ieħor, din id-dar tal-moda lussuża magħrufa bħala “The House of Woodcock”.  Cyril ukoll kellha influwenza kbira fuq ħuha Reynolds li kien għad għandu f’moħħu l-mewt t’ommu tant li f’kull libsa li kien ifassal kien iħit messaġġ fl-inforra.

    Jum wieħed Reynold jidħol f’ristorant fil-kampanja u hemm jinteressa ruħu f’Alma, waħda mill-waitresses. Hu jistedina biex toħroġ miegħu għal ikla u hi min-naħa tagħha taċċetta bil-qalb. Ir-relazzjoni bejniethom, iktar ma beda jgħaddi ż-żmien bdiet tiżviluppa tant li Alma tidħol tgħix miegħu u tibda tkun għalih ta’ assistenza, iżda wkoll spiss kienet tkun fi ħsiebu u f’imħabbtu. Cyril għal bidu ma tantx kienet tafda lil Alma izda maż-żmien bdiet turi iktar rispett lejha minħabba li Alma kienet tfajla b’kwalitajiet tajba u tħobb tgħin. Alma tieħu pjaċir li issa kienet saret parti minn dak li Reynold kien joħloq u jħit għalkemm hu ma tantx kien japprezza l-ammirazzjoni tagħha lejh u kien iżomm ruħu maqtugħ għalih. Reynolds kien interessat fih innifsu biss.

    It-tnejn kienu spiss jitlewmu u meta Alma ppruvat tagħmillu ikla romantika, Reynolds xejn ma kien wieħed li jħobb jikkumplimenta u bl-herra uriha li hu ma jittollera lil ħadd li jbiddillu r-rutina li hu kien qiegħed jgħix. Alma biex terġa tgawdi poter fuq ir-relazzjoni ta’ bejniethom, tiddeċiedi li titfa’ ftit velenu fit-te. Reynolds ma jmutx u tkun Alma li tieħu ħsiebu. B’riżultat tal-attenzjoni u d-dedikazzjoni li Alma wrietu, Reynold jitlobha biex tiżżewwġu. X’jiġri wara ż-żwieġ? Kemm sejjer jirnexxi dan it-tip ta’ żwieġ?

    Film Amerikan, dramm, taħt id-direzzjoni u l-kitba ta’ Paul Thomas Anderson. Minħabba li ż-żwieġ jidher li kien biss żwieg ta’ konvenjenza u mhux normali, l-imġieba amorali ta’ Alma biex tirbaħ id Reynold, kif ukoll użu frekwenti ta’ kliem goff,  ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.