• Omelija tal-Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi

  • Knisja tal-Bon Kunsill, San Ġiljan
    16 ta’ Frar 2018

    Papa Franġisku, meta kien għadu mhux Papa u kien Arċisqof ta’ Buenos Aires, l-Arġentina, kien ippubblika ktieb bi ħsibijiet li għamel, bl-isem It-Triq tal-Umiltà. Il-Korruzzjoni u d-Dnub. U kompla din ir-riflessjoni f’diversi ċirkustanzi f’dawn il-ħames snin li ilu Papa, fosthom fl-omelija li għamel fil-kappella Santa Marta bħal-bieraħ ġimgħa. Hi riflessjoni li tgħodd mhux biss għall-mexxejja politiċi, reliġjużi u soċjali, imma għalina lkoll.

    Jitkellem fuq id-dnub u l-korruzzjoni. Jgħid li d-dnub hu meta int tagħmel il-ħażen, dak li jmur kontra r-rieda ta’ Alla, dak li hu ħażin. Aħna lkoll midinbin, hekk ngħidu fil-bidu ta’ kull quddiesa meta nitolbu maħfra ta’ Alla. Hekk smajna fit-talba sabiħa tas-Salm, it-talba għall-ħniena li għamel David: “Ikollok ħniena minni, O Alla, fi tjubitek. Fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti. Aħsilni kolli mill-ħtija tiegħi, naddafni mid-dnub tiegħi.” Is-salm jesprimi qalb li tagħraf il-ħażin, u titlob ’l Alla maħfra u l-grazzja li tqum għall-ħajja ġdida.

    Il-korruzzjoni hi differenti. Hu meta int tissetilja fil-ħażen tiegħek, taċċettah bħala stil ta’ ħajja u tiġġustifika lilek innifsek. Għalhekk, flok il-ħażin tgħidlu ħażin, u titlob maħfra tiegħu, tgħum fih mingħajr rimors ta’ xejn. U tibda temmen li l-ħażin mhux għax tagħmlu imma jekk xi ħadd jaqbdek li għamiltu; mill-bqija tista’ tkompli sejjer. U qalb korrotta bħal din m’għandhiex limiti.

    F’dan is-sens nifhmu dak li smajna fl-Ewwel Qari mill-Profeta Isaija meta l-Mulej jgħidlu: Iftaħ il-garġi tiegħek u għajjat. Sejjaħ il-ħażin b’ismu. Ara x’qed jagħmlu n-nies. Jiġu hawn fit-tempju, isumu, jagħmlu dawk id-drawwiet hekk imsejħin reliġjużi “bħallikieku ġens li jagħmel is-sewwa”. U mbagħad fl-istess waqt, jehdew fi kwistjonijiet u ġlied,  jgħakksu lill-oħrajn, u qisu xejn mhu xejn. Għalhekk qallu: għajjat b’kemm għandek saħħa. Din qalb korrotta.

    Il-Mulej jgħidlu: Jaqaw jien jogħġobni dan? Alla jara l-qalb u l-intenzjoni u bih ma jidħaq ħadd.

    X’inhi l-istedina li qed jagħmlilna l-Mulej, speċjalment f’dan ir-Randan?

    1. Li l-ħażin insejħulu ħażin. Il-Mulej jgħinna nagħrfu aktar il-ħażen, id-dnubiet tagħna, u nitolbu lil Alla maħfra, u lil ħutna wkoll nitolbuhom maħfra meta nonqsuhom.
    2. Li Alla jbegħidna minn qalb korrotta li tissetilja fil-ħażen u ġġagħalna niġġustifikaw lilna nfusna.

    Il-Mulej uriena triq biex nibqgħu ‘l bogħod minn qalb korrotta u nkunu niedma ta’ ħtijietna. Din hi t-triq tal-ġustizzja u ħniena magħqudin flimkien. Il-kliem ta’ Isaija – li taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, li ddaħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf – ifakkarna ħafna f’dak li qal Ġesù fl-Evanġelju ta’ San Mattew 25.  Ġesù mar pass lil hinn u identifika ruħu ma’ min hu fil-bżonn: kont bil-ġuħ u tmajtuni, bil-għatx u sqejtuni, barrani u lqajtuni…dak kollu li għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi. Hi ħidma ta’ qalb miftuħa għal min hu fil-bżonn, ħidma għal soċjetà ġusta. Imma hi wkoll għarfien li hu qiegħed magħna b’mod konkret ħafna u m’għandna qatt insewdu qalbna, kif semma Ġesù fl-Evanġelju ta’ San Mattew.

    Qalb miftuħa għall-oħrajn hi l-kontra ta’ qalb korrotta.

    Mulej, agħtina din il-qalb niedma, umli, miftuħa għall-oħrajn, li twassal id-dawl u l-imħabba tiegħek qalb il-ġerħat ta’ żmienna.

    Mons. Joe Galea Curmi

    Vigarju Ġenerali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta