• L‑Arċidjocesi ta’ Malta tifraħ lill‑Arċisqof-elett, Mons. Alfred Xuereb, għall‑ħatra mill‑Papa Franġisku ta’ Nunzju Appostoliku fil‑Korea ta’ Isfel. L‑Arċidjoċesi ta’ Malta tingħaqad mad‑Djoċesi ta’ Għawdex fit‑talb għall‑Arċisqof-elett biex il‑Mulej jagħtih l‑għajnuna f’din il‑missjoni ġdida tiegħu.

  • Profil ta’ Mons. Alfred Xuereb

  • Mons. Alfred Xuereb twieled il-Belt Victoria, Għawdex, fl-14 ta’ Ottubru 1958. Huwa għamel l-istudji filosofiċi u teoloġiċi tiegħu fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex. Ġie ordnat saċerdot fil-Katidral ta’ Għawdex mill-E.T. Mons. Nikol Ġ. Cauchi, Isqof ta’ Għawdex, fis-26 ta’ Mejju 1984, u ċċelebra l-Ewwel Quddiesa Solenni fit-8 ta’ Lulju 1984, fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, il-parroċċa tal-oriġni tiegħu fir-Rabat ta’ Għawdex.

    • Fl-ewwel snin tas-saċerdozju tiegħu hu għamel Liċenzjat fit-Teoloġija Spiritwali fl-Istitut Pontifiċju Teresianum ta’ Ruma. Bit-teżi tiegħu Il Mistero Pasquale nella Vita Cristiana, fl-1989 kiseb id-Dottorat summa cum laude mill-istess istitut. Sadanittant, hu wettaq ukoll ħidma pastorali ta’ Viċi Parroku fil-Parroċċi tan-Natività tal-Mulej (1984-1988) u tas-Santissmu Sagrament (1989-1991), it-tnejn f’Ruma.

      Bejn l-1991 u l-1995 hu kien is-Segretarju personali tar-Rettur tal-Università Pontifiċja tal-Lateran, u konfessur straordinarju fis-Seminarju Pontifiċju Maġġuri ta’ Ruma.

  • Bejn l-1995 u l-2000 huwa nħatar uffiċċjal tas-Segreterija tal-Istat, fejn ġie fdat b’żewġ missjonijiet qosra imma importanti bħala Rappreżentant tal-Vatikan fin-Nunzjatura Appostolika ta’ Ottawa fil-Kanada. Fl-1997, Dun Alfred irċieva t-titlu ta’ Kappillan tal-Qdusija Tiegħu bit-titlu ta’ Monsinjur, imbagħad fis-sena 2000 inħatar Uffiċċjal tal-Prefettura tal-Palazz Appostoliku fis-Segreterija tal-Prefett.

    Fil-Vatikan ukoll, fl-1997, Mons. Xuereb ġie maħtur Viċi Assistent Spiritwali tal-Assoċjazzjoni ta’ San Pietru u San Pawl, u fl-2002 Assistent Spiritwali tagħha, kif ukoll Rettur tal-Knisja ta’ Santa Caterina della Rota bejn l-2001 u l-2002. Il-pożizzjoni tiegħu ta’ Prelato di Anticamera Pontificia (2003-2007), fejn fl-2003 ġie maħtur ukoll Prelato d’onore di Sua Santità, qegħditu qrib ħafna tal-mibki Papa (San) Ġwanni Pawlu II. Kien imbagħad fil-11 ta’ Settembru 2007 li l-Papa Benedittu XVI sejjaħlu biex jaħdem fis-Segreterija Partikulari tal-Qdusija Tiegħu, fejn Mons. Xuereb żvolġa r-rwol importanti tat-Tieni Segretarju tal-Papa.

    Mal-ħatra tal-Papa Franġisku fl-2013, Mons. Xuereb sar l-ewwel Segretarju Privat tiegħu. Fit-28 ta’ Novembru 2013, il-Papa ħatru Delegat tiegħu fuq il-Kummissjoni Pontifiċja dwar l-Istitut għall-Opri tar-Reliġjon (IOR) u fuq il-Kummissjoni Pontifiċja dwar l-Organizzazzjoni tal-Istruttura Ekonomika-Amministrattiva tas-Santa Sede, bi rwol ta’ superviżjoni li kien iwieġeb direttament lill-Qdusija Tiegħu.

    Fit-3 ta’ Marzu 2014, il-Papa Franġisku ħatar lil Mons. Alfred Xuereb l-ewwel Segretarju Prelat tas-Segretarjat għall-Ekonomija, dipartiment ġdid tal-Kurja Rumana.

    Mid-9 ta’ Mejju 1998, Mons. Xuereb hu membru onorarju tal-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ fil-Belt Victoria, Għawdex. Fuq proposta tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri tal-Italja, fl-2007 Mons. Xuereb ġie maħtur Kommendatur tal-Ordni tal-Mertu tar-Repubblika Taljan, waqt li fi Frar 2009 hu ġie maħtur Kappillan konventwali ad honorem tal-Ordni ta’ Malta. F’Diċembru 2011 hu ngħata wkoll Ġieħ il-Belt Victoria mill-Kunsill Lokali ta’ belt twelidu.

    Mons. Xuereb jaf it-Taljan, l-Ingliż, il-Ġermaniż, il-Franċiż, il-Portugiż, u l-lingwa nativa tiegħu, il-Malti.