• ***

    Direttur:          Francis Lawrence

    Atturi:              Jennifer Lawrence, Joel Edgerton, Matthias Schoenaerts, Charlott Rampling, Mary-Louise Parker u Jeremy Irons

    Ħin tal-Film:    140 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18

    Dominika Egorova, ballerina famuża Russa, kienet tieħu ħsieb ommha anzjana u marida. Sfortunatament, waqt preżentazzzjoni, Dominika kisret riġlejha u hekk intemmet il-karriera tagħha bħala ballerina f’qasir żmien. Żijuha Ivan, javviċinaha biex tibda taħdem fl-Intelliġenza Russa. L-ewwel biċċa xogħol li taha kienet li tisseduċa lil Dimitry Ustinov, politiku Russu u bil-moħbi tbiddillu t-telefon ma’ wieħed ipprovdut mill-Istat. Dominika taċċetta li tagħmel dan bil-patt li ommha tirċievi kura medika b’xejn mill-istat.

    Meta Dimitry jipprova  jistupra lil Dominika, jinqatel minn Simyonov, aġent Russu. Wara li jaħarbu, Ivan jiżvela li minn dejjem xtaq li jelimina lil Ustinov u li l-Intelliġenza Russa kienet tinsisti li dan jagħmlu mingħajr ma jkun hemm xhieda. Ivan joffri lil Dominika għażla li jew tidħol taħdem mal-Intelliġenza Russa jew inkella tiġi maqtula.

    Sadanittant, Nate Nash, aġent fis-CIA kien jaħdem ġewwa Moska. Waqt li kien f’laqgħa f’park ma’ persuna li setgħet tiswa ta’ ġid għal operat tieghu bħala aġent, jiġu kkonfrontati mill-pulizija Russa. Nash joħloq distrazzjoni biex din il-persuna, magħrufa bħala Marble tkun tista’ taħrab. Nash jiġi msejjaħ lura lejn l-Amerika b’riżultat li jintilef kull kuntatt ma’ Marble. Nash jinsisti li huwa kien l-uniku aġent li  Marble kien lest li jaħdem miegħu. Għalhekk jintbagħat lejn Budapest biex jerġa’ jagħmel kuntatt miegħu. Minnaha l-oħra, Dominika tintbagħat f’post fejn tkun tista’ titħarreġ bħala aġent Russa bl-abiltà li ssir seduttriċi għat-targets tagħha.

    Dominika issa magħrufa bħala Sparrow, tiżboq lil kulħadd għalkemm irreżistiet għal ċerti elementi waqt it-taħriġ li kellha. Dominika ġiet assenjata għal Budapest. L-Intelliġenza Russa kienet għal żmien issegwi l-passi ta’ Nash. Kienu jittamaw bis-saħħa ta’ Dominika, li jsiru jafu l-identità ta’ Marble. Il-missjoni assenjata lil Dominika kienet li tirbaħ il-fiduċja ta’ Nash u tikxef l-isem tal-kuntatt li kellu. X’jiġri minn hawn, issa li Dominika tibda l-ewwel missjoni delikata u perikoluża għall-Intelliġenza Russa? Tgħid tirnexxi? Dominika, barra li kienet tfajla sabiħa u tiġbdek, kienet ukoll intelliġenti ħafna!

    Film Amerikan, dramm eċitanti, fuq spjunaġġ, mimli azzjoni, taħt id-direzzjoni ta’ Francis Lawrence u kitba ta’ Justin Haythe. Minħabba xeni eċċessivi ta’ vjolenza li jinkludu ukoll torturi orribbli, kontenut sesswali, kif ukoll temi ta’ inċest u vendetta, kliem goff u insensittiv, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tmintax-il sena.