"Ma ninsewx li x-xbieha ħajja ta' Ġesù tinsab ukoll fil-proxxmu tagħna" - L-Arċisqof waqt il-pellegrinaġġ tar-Redentur fl-Isla

  • L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokkjali, l-Isla
    9 ta' Marzu 2018

    “Araw il-qaddej tiegħi […] jintrefa’, jogħla u jkun ’il fuq minn kulħadd. Bħalma ħafna ndiehxu minnu, għax wiċċu tħassar, donnu ma kienx bniedem, u s-sura tiegħu ma kont tqisha ta’ bniedem, hekk għad jistagħġbu ħafna ġnus minħabba fih” (Is 52, 13-15).

    Aħna u nilmħu d-dehra ta’ dix-xbieha qaddisa u devota tar-Redentur, niftakru fil-kliem tal-profeta Isaija. Is-sura u l-bixra ta’ Ġesù li mgħobbi bis-salib jaqa’ fl-art, tfakkarna f’tant ħutna li huma mgħobbija bil-mard, bit-toqol tal-ħajja, bis-solitudni, forsi bid-dwejjaq. Tfakkarna li aħna lkoll imsejħin biex miegħu u bħalu nerfgħu s-salib tagħna. Hu stess qalilna: “Min irid jiġi warajja, jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum u jimxi warajja” (Mt 16, 24).

    Aħna u nħarsu lejn ix-xbieha qaddisa u għażiża tar-Redentur u ħarsitna tersaq lejn il-ħarsa tiegħu, dik il-kisra tal-għajnejn maħsula fid-dmugħ, idemmgħu għal dnubietna. Aħna ninġibdu lejh biex nitolbuh maħfra, biex nitolbuh ħniena ta’ kemm-il darba ma rajniex ix-xbieha tiegħu f’ħutna. Għax hu qalilna: “Kull ma tagħmlu mal-iżgħar fost dawn ħuti, intom tagħmluh miegħi” (Mt 25, 40).

    U din hi l-grazzja li nitolbu llum aħna: li ninġibdu b’devozzjoni, b’imħabba lejn ix-xbieha qaddisa tar-Redentur restawrata, miġjuba mill-iżjed qrib tas-sura oriġinali tagħha wara tant sekli. Ejjew ma ninsewx li x-xbieha ħajja tiegħu tinsab ukoll fil-proxxmu tagħna. Kemm tkun ħaġa qaddisa li d-devozzjoni tagħna lejh nuruha billi nħobbu lil xulxin u naħfru mill-qalb lil xulxin.

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta 


  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Ħos 14, 2-10
    Salm: 80 (81), 6ċ-8a.8bċ-9.10-11ab.14 & 17
    Evanġelju: Mk 12, 28b-34


  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja - Ian Noel Pace