• ****

    Direttur:          Craig Gillespie

    Atturi:              Margot Robbie, Sebastian Stan, Allision Janney, Julianne Nicholson, Bobby Cannaville, Paul Walter Hauser,  Bojana Novakovic u Dan Triandiflou

    Ħin tal-Film:    119 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      15                   

    Fl-1970, ġewwa Portland, Oregon, Tonya Harding, tifla ta’ erba’ snin, tkun sfurzata biex tiskejzja fuq is-silġ minn LaVona Golden, ommha abbużiva. Meta tikber, LaVona toħroġha mill-iskola biex tkun tista’ tiffoka fuq il-karriera bħala ice skater. Tonya tagħmel dan taħt il-ħarsien tat-trejner Diane Rawlinson.

    F’qasir żmien, issir l-aqwa figure skater fl-Amerika. Sfortunatament, minħabba  li Tonya, għalkemm bajda iżda ġejja minn familja fqira, l-ilbies li kienet tilbes għal waqt il-wirja, kienu kollha maħduma minn Tonya stess u l-mużika li kienet tagħżel ma kienitx tas-soltu, b’riżultat ta’ dan, Tonya kienet tinżamm lura fil-punti mill-ġurati li ma kienux jagħmlu ħaqq għall-eżekuzzjoni li kienet tati.

    Meta kellha ħmistax-il sena, bdiet relazzjoni ma’ Jeff Gilloly, ġuvni ta’ tmintax-il sena u għalkemm LaVona ma approvatx, Tonya u Jeff iżżewwġu l-istess, f’qasir żmien. Meta Jeff jibda jabbużaha, LaVona turi disprezz lejn Tonya li kienet tħallih jagħmel hekk. Tonya minnaħa tagħha twaħħal fiha minħabba l-attitudnijiet stabbiliti tagħha stess. Tonya tkun l-ewwel waħda bħala figure skater li rrnexxielha tagħmel two triple axel jump f’kompettizzjoni. Sfortunatament wara tilwima ma’ Diane, Tonya tkeċċiha bħala trejner tagħha u tqabbad lil Dody Teachman biex tgħinha tħejji ruħha għall-Logħob Olimpiku tax-Xitwa għas-sena 1992.

    Waqt li tkun qed titħarreġ gewwa Portland, tirċievi tehddida ta’ mewt; b’ritaljazzjoni, Jeff jagħti struzzjoni lil ħabibu Shawn Eckhardt, li kien ħatar lilu nnifsu bħala l-għassies personali ta’ Tonya, biex jibgħat tehddida ta’ mewt lir-rivali ta’ Tonya, Nancy Kerrigan. Iżda Eckhardt, hekk kif kien qiegħed ifittex prestiġju u fama għalih innifsu,  jimpjega żewġ  bnedmin kriminali u stupidi,  biex jattakkaw lil Kerrigan waqt li tkun qegħda titrejnja ġewwa Detroit. X’jiġri minn hawn u kif din il-ġrajja kellha tbiddel il-futur għal Tonya?

    Film Amerikan, biografiku, msejjes fuq il-ħajja ta’ Tonya Harding, waħda mill-aqwa skaters fl-Amerika fis-snin disgħin. Il-film hu taħt id-direzzjoni ta’ Craig Gillespie u kitba ta’ Steven Rodgers. Interessanti l-intervisti mal-karattri vera, forma ta’ dokumentarju, li jagħmlu l-film iktar kredibbli. Minħabba xeni ta’ abbuż domestiku minnaħa ta’ omm Tonya, kliem goff u oxxen kif ukoll xi xeni ta’ sess mhux tant fil-miftuħ, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.