• ****

    Direttur:           Steven S. DeKnight

    Atturi:              John Boyega, Scott Eastwood, Jing Tian, Cailee Spaeny, Rinko Kikuchi, Burn Gorman,  Adria Arjona, Zhang Jin u Charlie Day

    Ħin tal-Film:    111 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       12

    Jake, abbanduna t-taħriġ fil-karriera ta’ pilota ta’ Jaeger u beda jgħix ħajja mtajra, jindieħes ma’ nies kriminali. Iben il-mejjet Kmandant leġendarju, Stacker Pentecost li kien offra ħajtu  biex isalva l-umanità għaxar snin ilu, jum wieħed, jiltaqa’ ma’ Amara, tfajla ħelwa u ntelliġenti.  Wara ġlieda li kellhom ma’wieħed mill-Jaegers, jinqabdu u jiġu arrestati. Din l-avventura kellha tbidddel ħajjithom it-tnejn. Jake, bl-intervent  ta’ Mako Mori, oħtu adottiva u li kienet temmen bil-potenzjal tiegħu, daħlitu biex jħarreġ fuq Jaeger, numru ta’ kadetti żgħażagħ, fosthom Amara. It-taħriġ kien isir ġewwa l-Pan Pacific Defence Corporation fiċ-Ċina. Hawn, Jake jiltaqa’ ma’ sieħbu tal-passat, Nate Lambert. Dawn kienu nfirdu meta Jake telaq mit-taħriġ u ma baqgħux aktar ħbieb. Il-korporazzjoni kienet qegħda titmexxa minn CEO Liwen Shao u Dr. Newt Geiszler,  l-id lemenija tagħha u li kien qiegħed jaħdem fuq Jaeger drone ġdid.  Magħhom kien hemm jaħdmu x-xjentist, Dr. Hermann Gottlieb u Marshal Quan. Għaddew għaxar snin mir-rebħa kbira fuq il-mostri “Kaiju”. Ninsabu fis-sena  2035. Wieħed kien jittama li d-dinja, speċjalment dawk il-pajjiżi madwar ix-xifer tal-Oċean Paċifiku, jibdew jinbnew mill-ġdid wara d-diżastru li seħħ. Għalkemm il-Breach  kien ingħalaq iżda kien hemm il-ħtieġa li wieħed iżomm ruħu ppreparat. Dan kien ix-xogħol ewlieni tal-PPDC u dan kien il-għan li jħejju piloti ġodda fuq il-Jaegers. Waqt li l-kadetti qegħdin iħejju ruħhom, ġewwa Sydney, kif kienu qegħdin jiċċelebraw l-għaxar anniversaju mir-rebħa, jitfaċċa Jaeger ġdid: Obsidian Fury li kien jidher b’saħħtu aktar minn Gipsy Danger. Fl-istess waqt, id-drones ġodda jduru kontra dawk li ħadmuhom b’riżultat li qam konflitt bejn Jaegers vs Jeagers. Sadanittant, waqt li din il-battalja bejn il-Jaegers kienet fl-aqwa tagħha, jerġa’ jibdew jidhru l-mostri Kaiju minn numru ta’ Breaches madwar ix-Xifer tal-Paċifiku. Min kien responsabbli li dan kien qiegħed isseħħ? Kien hemm xi id minn ġewwa li kien qieghed jikkawża dan id-diżastru?

    Film Amerikan ta’ fantaxjenza, mimli azzjoni u li jħallik fuq ix-xwiek għal ħafna ħin. Hu taħt id-direzzjoni ta’ Steven S. DeKnight, kitba ta’ Emily Carmichael, Kira Snyder u T. S. Nowlin. Il-film jkompli fejn kien ħalla l-film Pacific Rim tal-2013 taħt id-direzzjoni ta’ Guillermo del Toro. Tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.