• ***

    Direttur:          Steven Spielberg

    Atturi:              Tye Sheridan, Olivia Cooke, Ben Mendelsohn, T. J. Miller, Simon Pegg, Mark Rylance, Lena Waithe, Win Morisaki, Philip Zhao u Hannah John -Kamen

    Ħin tal-Film:    140 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       12

    Fl-2045, bliet fejn kienu jgħammru l-bnedmin, minħabba żieda fil-popolazzjoni, tniġġis, korruzzjoni u bdil fil-klima, saru mandraġġ. Biex jaħarbu minn din ir-realtà ta’ miżerja, ħafna kienu nqatgħu mir-realtà ta’ madwarhom u fittxew jużaw dinja ta’ realtà virtwali ta’ OASIS (Ontilogy Anthropocentric Sensory Immersive Simulation). Hawn kienu jsibu minn kollox: attività għal fuq ix-xogħol, edukazzjoni u divertiment. Min kien qiegħed juża l-OASIS, intebaħ b’logħba moħbija bl-isem ta’ Anorak’s Quest li ħoloq il-mejjet James Halliday. L-ewwel wieħed li jsib il-“Bajda tal-Għid” jiġi mwiegħed li jsir il-proprjetarju tal-OASIS kif ukoll rigali oħra.

    Din l-offerta ġibdet l-attenzjoni  ta’ numru ta’ Gunters (“kaċċaturi tal-bajd”) li bdew jilagħbu din il-logħba. Fost dawn insibu l-Innovative Online Industries (IOI) li kienet timmanifattura tagħmir għal din ir-realtà virtwali. Nolan Sorrento, li ħoloq  IOI, jirnexxielu jħaddem numru kbir ta’ plejers, magħrufa bħala Sixers, identifikati permezz ta’ sitt numri. Minn dawn, s’issa, hadd ma kien irnexxielu jtemm l-ewwel sfida, dik li b’karozza jegħleb kull ostaklu li jsib quddiemu. Wade Watts, Gunter żagħżugħ minn Columbus, Ohio jgħix ma’ zitu, f’kwartier tal-foqra. Fl-OASIS, Wade kien jilgħab permezz tal-avatar Parzival u s-sieħeb Aech, li kien jgħinu fil-mekanika virtwali.

    Wara xi żmien, Wade jsir ħabib ma’ Art3mis, plejer ta’ fama li Wade kien salva. Wade kien sab mod billi daħal fl-arkivji ta’ OASIS u hemm isib xi dettalji fuq il-ħajja privata ta’ Halliday.  Din għenitu biex anke permezz ta’ ħjiel,  jispiċċa biex joqrob lejn l-ewwel oġġett imfittex. Saddanittant, Wade isir jaf li Halliday kien iddispjaċih meta kien aċċetta r-riżenja tas-sieħeb tiegħu, Ogden Morrow. X’jiġri minn hawnhekk kif Wade jsib triq iktar sigura li għenitu mhux biss li jsib l-ewwel ċavetta minn tlieta, iżda anke ħjiel għat-tieni sfida? Halliday ma kienx sejjer iċedi hekk malajr! Sadanittant Aech, Art3mis u l-aħwa Daito u Shoto jaslu ukoll u hekk isiru magħrufa bħala l-“High Five”.

    Film Amerikan ta’ fantaxjenza, taħt id-direzzjoni ta’ Steven Spielberg, kitba ta’ Zak Penn u Ernest Cline. Film ambjentat fis-sena 2045 fejn l-umanità, biex taħrab minn deżolazzjoni tar-realtà li kienet tinsab fiha, sabet soluzzjoni f’dinja ta’ realtà virtwali fl-logħba OASIS li għenithom jaħarbu mir-realtà. Tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.