•  ****          

    Direttur:          Andrew Hyatt

    Atturi:              James Faulkner, Jim Caviezel, Oliver Martinez, Joanne Whalley, John Lynch, Noah Huntley u Yorgos Karamihos

    Ħin tal-Film:    106 min

    Maħruġ minn KRS Film Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       12

    Fis-sena 64 W.K., Ruma kienet tinsab fi stat ta’ paniku meta seħħ ħruq kbir f’parti kbira tal-belt. Neruni, l-Imperatur Ruman, xeħet il-ħtija ta’ dan il-ħruq fuq l-insara, għalkemm ħafna kienu tal-fehma li kien hu stess li ta n-nar lill-belt. Riżultat ta’ din l-akkuża, l-insara għaddew minn persekuzzjoni qalila, b’tant martri, irġiel, nisa u tfal  ixerrdu demmhom.  

    Pawlu li kien meqjus bħala wieħed mill-mexxejja, sab ruħu arrestat u kkundannat għal mewt. Luqa, b’riskju kbir għal ħajtu, ra kif għamel biex jirritorna lejn il-Kapitali tal-Imperu biex iżur lil Pawlu u jappoġġah f’dan iż-żmien tant diffiċli. Pawli kien miżmum fil-ħabs Mamertime. Fortunatament, Luqa sab l-għajnuna ta’ tnejn mill-ewwel insara li msemmija fil-Bibbja, Aquila u martu Priscilla. Dawn kienu meqjusa bħala mexxejja u kienu bil-moħbi jgħinu lill-insara, l-aktar il-fqar. Dan kienu jagħmluh b’riskju kbir għall-ħajjithom stess. Sfortunatament, dawn ma jaqblux bejniethom; Aquila kien tal-fehma li l-insara għandhom jaħarbu minn Ruma waqt li Priscilla, kienet kontra. Xtaqet li l-preżenza nisranija f’Ruma tkun ta’ xhieda u ta’ appoġġ lill-insara ġodda.

    Fost il-komunità kien hemm numru minnhom li riedu joffru reżistenza kontra l-istat. Pawlu kien għal kollox kontra li jkun hemm reżistenza vjolenti. Meta talbu l-opinjoni tiegħu, permezz ta’ Luqa, Pawlu ma xtaqx jagħti xi ordni biex l-insara jitilqu minn Ruma jew jibqgħu hemm, iżda qabel ma’ Luqa li jirrikordja l-konverżjoni tiegħu u t-tliet vjaġġi missjunarji li għamel miegħu barra xi ġrajjiet oħra sakemm wasluh Ruma fejn issa kien jinsab fil-ktajjen.

    It-test irriżulta fl-Atti tal-Appostli kif nafuh illum u serva ta’ inkorraġġiment lill-insara fi żmien diffiċli. Għar-raġunijiet differenti, din il-kitba interessat lill-Prefett Mauritius Gallas, il-kalzrier prinċipali tal-ħabs. Mauritius kien bniedem mħawwad bejn ix-xogħol iebes li kellu u fl-istess waqt il-ġibda mhux ċara lejn il-valuri traxxendenti tal-Vanġelu li Pawlu kien iħaddan barra wkoll tħawwad fuq l-imġieba kurjuża li wera Luqa meta daħal bil-moħbi fil-ħabs biex jara lil Pawlu. Tħawwad aktar meta l-unika tifla li kellu, mardet serjament għal mewt. X’sejjer jagħmel? Tgħid jitlob l-għajnuna tat-tabib Luqa, nisrani, biex ifejjaqlu lit-tifla?

    Film bibbliku Amerikan, miġbud ħafna minnu f’Malta, taħt id-direzzjoni u kitba  ta’ Andrew Hyatt. Film interessanti ħafna u nirrikkmandah. Minħabba li fih xi xeni ta’ tortura u brutalità, tajjeb li jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.