• Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna u Mons. Isqof Mario Grech se jieħdu sehem fil-Mixja favur il-Ħajja li se ssir nhar il-Ħadd li ġej 22 ta’ April 2018, u li qed tkun organizzata minn LifeNetwork Foundation. It-tema hi: Embrijun Wieħed Minna.

    Il-mixja ser tibda minn ħdejn Kastilja, il-Belt Valletta, fl-4 pm u tkompli sa quddiem il-Parlament. Il-ħsieb hu li tintemm fil-5.30 p.m.

    L-Isqfijiet qed jistiednu lin-nies kollha ta’ rieda tajba biex jissieħbu magħhom f’din il-mixja. Għalhekk tkun ħaġa f’waqtha li aħna nħeġġu lil-lajċi, is-saċerdoti u l-persuni ta’ ħajja kkonsagrata biex jissieħbu mal-Isqfijiet f’din il-manifestazzjoni li għandha skop wieħed: li l-ħajja tiġi mħarsa sa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha

    Inħeġġu wkoll lill-komunitajiet tal-Knisja f’Malta biex nitolbu għall-ħarsien u l-protezzjoni tal-ħajja, u biex dawk li għandhom ir-responsabbiltà għal-liġijiet “verament iħarsu l-ħajja u d-dinjità umana u ma jagħmlu xejn li jkasbar id-drittijiet tal-ulied”, kif appellaw l-Isqfijiet fl-istqarrija li huma ħarġu erbat ijiem ilu.