• ****

    Direttur:          John Krasinski

    Atturi:              Emily Blunt, John Krasinski,  Mullicent Simmonds, Noah Jupe, Cade Wodward, Leon Russom u Doris McCarthy

    Ħin tal-Film:    95min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      15

    Fl-2020, biċċa kbira tal-populazzjoni tad-dinja ġiet meqruda meta dehru razza ta’ kreaturi mostrużi. Ħadd ma kien jaf minn fejn kienu ġew; kellhom sens qawwi ta’ smigħ u kienu jikkaċċjaw lil kull min kien jagħmel l-iċken ħoss. Il-familja Abbott: Lee u martu Evelyn u uliedhom subien Marcus u Beau u t-tifla Regan, truxa għal kollox, kienu jgħixu qalb masġar u jieklu dak li kien jirnexxielhom isibu. Bejniethom kienu jikkommunikaw permezz tal-lingwa tas-sinjali. Lee, kontra qalbu kellu jikkonfiska minn idejn Beau, ġugarell ta’ vettura spazjali u jwissih li kull ħoss ċkejken kien hemm iċ-ċans li jiġbed qribhom il-kreaturi mostrużi, bil-perklu kbir għal ħajjithom stess. Sfortunatament, Regan tagħti lura l-ġugarell bil-batteriji lil Beau. B’xorti ħażina, kif qegħdin jerġgħu lura d-dar, jattiva l-ġugarell u l-ħoss jiġbed lejh kreatur li joqtol lit-tifel. Lee pprova jsalvah iżda kien għal xejn.

    Sena wara dan l-inċident sfortunat, Regan kienet għada tħoss ir-rimors tal-mewta ta’ ħuha. Evelyn min-naħa tagħha kienet waslet fl-aħħar biex twelled tarbija. Lee jipprova jsewwi l-apparat akustiku li Regan kellha biex tisma’ aħjar, iżda ma rrnexxilux. Iktar tard, hu jieħu lil Marcus qrib xmara biex jgħallmu jistad għal ħut. Regan talbet biex tmur magħhom iżda Lee rrifjuta li jeħodha. Regan dispjaċuta, tmur tagħmel żjara fuq il-qabar ta’ ħuha Beau u tibqa’ hemm sa nżul ix-xemx. Sadanittant, Lee jassigura lil Marcus li sakemm ma jagħmlu l-ebda ħoss, huma jkunu salvi. Marcus jistaqsi lil missieru jekk jagħtix ħtija lil Regan għal mewt ta’ Beau. Lee jaċċertah li ma kienx hekk u li għadu jħobbha ħafna. Min-naħa l-oħra, Evelyn tħoss li waslet biex twelled. Hi u nieżla fil-kantina, fejn hemm kienu ħejjew post apposta, tirfes musmar; bl-uġieħ  tolqot  inkwatru bil-ħġieġ, b’riżultat li l-ħoss jiġbed lejh kreaturi li kienu fil-qrib. Evelyn tiġbed l-attenzjoni permezz li tixgħel dawl aħmar biex tallarmhom. X’jiġri minn hawn?

    Film Amerikan tal-biżà taħt id-direzzjoni ta’ John Krasinski, kitba ta’ Bryan Woods u Scott Beck. Film psikoloġiku li jlaqqgħana mal-familja Abbott fl-attentat li ssalva minn kreaturi mostrużi li jikkaċċjaw lil min jagħmel xi ħoss. Joħorġu tajjeb numru ta’ temi bibbliċi rigward it-trobbija tal-ulied, l-aktar fejn jidħlu t-tama u s-sagrifiċċji li ġenituri jkunu lesti li jagħmlu għall-uliedhom. Tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.