• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Il-Park Nazzjonali, Ta’ Qali
    14 ta’ April 2018

    Iż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws kienu telqu minn Ġerusalemm qalbhom maqtugħa; kienu diġà semgħu n-nisa jgħidulhom li ltaqgħu ma’ Ġesù rxoxt u li kien tahom appuntmaent għall-Galilija, imma tfixxklu bix-xhieda tan-nisa u ddeċidew li jitilqu minn Ġerusalemm.

    Il-Mulej ħa ħsiebhom: issieħeb magħhom fit-triq u peress li rahom imnikkta, staqsihom għaliex. Huma qalulu: “Inti l-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara? Kif Ġesù ta’ Nazaret, bniedem mimli setgħa quddiem il-bnedmin u quddiem Alla, ingħata għall-mewt mill-kapijiet tagħna, sallbuh? Issa għaddew tliet ijiem mill-mewt tiegħu. Issa ġew xi nisa qalulna li qam, li rawh, imbagħad marru xi wħud minn tagħna, raw il-qabar vojt imma lilu ma rawhx” (ara Lq 24 18:24).       

    U Ġesù lil dawn iż-żewġ dixxipli — wieħed minnhom nafu li kien jismu Kleofa — jissieħeb magħhom fit-triq, jispjegalhom l-Iskrittura u, kif tafu, huma jagħrfuh meta jidħol joqgħod magħhom fuq l-insistenza tagħhom u li “għarfuh fil-qsim tal-ħobż” (Lq 24:35). Dak il-ħin stess jirritornaw Ġerusalemm.

    L-Evanġelju li għadna kemm smajna jibda propju b’dan il-mument fejn huma jirritornaw Ġerusalemm u jaqsmu mad-dixxipli l-oħrajn, mal-ħdax, u ’l dawk li kienu magħhom, din l-esperjenza. ‘Waqt li qed jispjegalna l-Iskrittura qalbna kienet tħeġġeġ” u għarafnih “fil-qsim tal-ħobż’ (ara Lq 24 32:35).

    U Ġesù f’dak il-mument, jissieħeb mal-ħdax. Hu jinsisti fuq l-identità tiegħu mhux bħala fantażma li jbeżża’, imma l-identità tiegħu bħala l-irxoxt, l-irxoxt li ma jneħħix u ma jikkanċellax il-marki ta’ jdejh u ta’ riġlejh u ta’ ġenbu, imma li jibqa’ jurihom bħala s-sinjal tar-rebħa tiegħu. Dak li aħna għamilnielu bi dnubnietna, il-marki tas-salib f’riġlejh u f’idejh, il-marka tal-lanza f’ġenbu, isiru għalih ix-xhieda tal-identità tiegħu, tar-rebħa tiegħu, tal-ħniena tiegħu.     

    Fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna, hemm għatx kbir għall-paċi, għas-serħan, u għall-ferħ.

    “Jiena hu” (Lq 24:39). Inħarsu lejh u qalbna tiddi bil-ferħ għaliex ma jġegħelniex nistħu imma jimliena bil-kuraġġ, jiftħilna qalbna għall-Iskrittura, jispjegalna li ma nistgħux nistħu minnu msallab u nifirħu bih irxuxtat. 

    Hu jaqsam magħna l-ikel tagħna, jinsisti li jidħol f’intimitá magħna billi jiekol l-istess ikel tagħna. U l-Mulej iwegħedna l-Ispirtu qaddis tiegħu għax hu ħerqan li jagħtina l-paċi u l-paċi tiegħu tkun fil-qalb tagħna bil-qawwa tal-ispirtu tiegħu.    

    Ikolli nistaqsikom: ‘Fil-qalb tiegħek liema għatx hemm?’ U forsi tgħidli: ‘Ma nafx ngħidlek’. Fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna, hemm għatx kbir għall-paċi, għas-serħan, u għall-ferħ. Imma dawn huma sintomi huma indicators ta’ għatx profond għal Alla. Għax qalbna ma tistrieħx jekk mhux f’Alla. Qalbna ma tistrieħx jekk mhux fik, O Alla. U allura meta niltaqgħu ma’ nies li mtaqqlin mit-toqol tal-ħajja jew bil-kumplessi tan-nuqqas ta’ stima tagħhom infushom, a low selfesteem — xi ħaġa li nduqu prattikament ilkoll kemm aħna f’ħajjitna f’xi stadju jew ieħor — ikollhom għandhom għatx għal din il-paċi, għatx għat-tgħannieqa ta’ Alla.     

    Ilkoll kemm aħna għandna bżonn nitgħallmu li għandna bżonn il-maħfra tal-Mulej.

    M’ilux kien hemm intervista ma’ saċerdot u qalulu: ‘imma inti Alla min hu għalik?’. U ħareġ b’din l-espressjoni li laqtitni: ‘Alla huwa t-tgħannieqa tal-imħabba’. Għax Alla huwa mħabba, imma mhux imħabba li ssibha fiha nfisha. Alla ma jistax ma jħobbx lilu nnifsu imma hu jħobb lilu nifsu, iħobb ukoll il-ħolqien tiegħu, u lilna b’imħabba tal-ġenn. U għalhekk Alla għalikom huwa din it-tgħannieqa ta’ mħabba li hija wkoll tgħannieqa ta’ ħniena. Aħna lkoll għandna  bżonn il-ħniena ta’ Alla. 

    Il-Papa Franġisku tana rigal sabiħ b’din l-Eżortazzjoni Apostolika li qiegħda ssejħilna lkoll għall-qdusija. Il-qdusija mhux ta’ meta jgħaddi ħafna żmien, imma l-qdusija illum, f’kulħadd, f’liema staġun qiegħed, ifittex ir-rieda ta’ Ġesù u jgħixha fil-kundizzjoni li fiha jinsab. Ilkoll kemm aħna għandna bżonn nitgħallmu li għandna bżonn il-maħfra tal-Mulej għax inkella naqgħu fil-periklu li l-qdusija tagħna nġibuha bil-bravura tagħna jew li se nivvintawha aħna minn żniedna. Il-qdusija tagħna hija frott tal-ħniena ta’ Alla. 

    U hemm ukoll il-qdusija li: jien qaddis, kuntent jien, kuntent kulħadd. Le, aħna għallimna nitolbu fil-plural, qatt ma għallimna ngħidu ‘missieri’ imma għallimna ngħidu “Missierna, […] aħfrilna dnubietna” (Mt 6:12), “ħobżna ta’ kuljum agħtina llum” (Mt 6:11), għallimna nitolbu fil-plural għax aħna familja. Se nkunu qaddisin flimkien, se ngħinu lil xulxin biex il-qdusija, li hija l-vera hena u l-veru barka, nagħmluha realtà fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.   

    Dan il-mument, din l-esperjenza ssejħet encounter. Setgħu jgħidulha wkoll windy encounter għax very windy encounter u fl-istess ħin meta Ġesù jitkellem fuq l-Ispirtu, jgħid l-Ispirtu jonfoħ fejn irid u dan ma tikkmandaħx bħalma ma nistgħux nikkmandaw ir-riħ. Nispera ma jtajjarniex b’kollox issa. Dan l-encounter irid ikun encounter bejnietna. Tajjeb li aħna nħossuna familja ta’ min jemmen, kulħadd bil-kariżma tiegħu, kulħadd għandu l-istorja tiegħu kif iltaqa’ ma’ Ġesù. Imma importanti ħafna li l-encounter bejnietna ikun wkoll b’din il-laqgħa ma’ Kristu, ma’ Ġesù irxoxt. 

    Ħadt pjaċir nara diversi fit-tinda fejn hemm Ġesù Ewkaristija. Itolbu fis-skiet quddiem il-preżenza tiegħu silenzjuża imma elokwenti ħafna, dgħajfa imma fl-istess ħin qawwija ħafna. Inħalluh iħares lejna u aħna nitfgħu ħarsitna lejh bħalma għidna fis-Salm Responsorjali llum. “Ixħet fuqna, Mulej id-dawl ta’ wiċċek” (S 4, 7). “Nimtedd u norqod minnufih fis-sliem, għax inti waħdek, Mulej, fis-sod tqegħedni” (v. 8). Jekk aħna nistrieħu fih, inkunu verament ferħana.

    Il-Mulej jagħtikom il-barka tiegħu, ilaqqgħakom miegħu u meta tiltaqgħu miegħu tistħux bil-marki tal-imsiemer li għamilnilu aħna bi dnubnietna għax meta nħarsu lejh, jgħidilna: “Tibżgħux: “Jiena hu” (Lq 24:39). “Nagħtikom l-Ispirtu qaddis tiegħi” (ara Ġw 20:22).

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta

  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Atti 3, 13-15.17-19
    Salm: 4, 2.4.7.9
    Qari II: 1 Ġw 2, 1-5a
    Evanġelju: Lq 24, 35-48
  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace