• **

    Direttur:          Jeff Wadlow

    Atturi:              Lucy Hale, Tyler Posey, Violet Beane, Hayden Szeto, Landon Liboiron, Nolan Gerard Funk, Sophia Ali, Sam Lerner, Aurora Parrineau u Tom Choi

    Ħin tal-Film:    100 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18

    Giselle Hammond, tfajla, tidħol fi stazzjon tal-petrol biex tixtri pakkett sigaretti. Min ikun qiegħed ibiegħ, jirċievi telefonata u mingħajr ma jħares lejn Giselle, jistaqsiha: Truth or Dare! Giselle fuq qalbha, tagħżel Dare, tmur lejn mara li tkun fil-ħanut u ttiha n-nar waqt li tiskuża ruħha għal dak li tkun għamlet.

    Ġewwa kampus universitàrju, niltaqgħu ma’ tliet tfajliet ta’ dsatax-il sena: Olivia Barron, Markie Cameron u Penelope Amari. Markie tikkonvinċi lil Olivia biex tingħaqad magħha u flimkien ma’ Penelope, Lucas, Tyson Curran, l-għarus ta’ Penelope u Brad Chang imorru vjaġġ lejn Rosario, ġewwa Messiku. Hemm, f’ħanut tax-xorb, Olivia tiltaqa’ mal-istudent Ronnie li jibda jtiha fastidju sakemm raġel jidħol biex jaqbes għaliha. Dan jintroduċi lilu nnifsu bħala Carter. Jibqgħu jixorbu flimkien sakemm jiġu l-oħrajn. Markie u Lucas jiddeċiedu li jibqgħu ftit iehor u ma jmorrux lura lejn il-lukanda. Carter min-naħa tiegħu jissuġġerixxi li jmorru miegħu f’post imwarrab u li jinsab f’ħerba u darba kien iservi bħala missjoni. Hawn Olivia ssib urna li fuqha kien hemm intaljat ras ta’ mewt u xi ftit ritratti. Olivia ssib ukoll lil Ronnie li kien xurban u li kien ġie warajhom biex forsi jerġa jaqbad ma’ xi waħda mit-tfajliet.

    Carter jagħti bidu għal logħba: Truth or Dare mal-grupp, inkluż Ronnie. Għalkemm ma jiġri xejn lil ħadd minnhom, nibdew nintebħu li din il-logħba kienet sejra twassalhom għal ħafna nkwiet u mwiet. X’jiġri meta l-għada jħallu Messiku u jmorru lura lejn l-università? Messaġġi ta’ Truth or Dare jibdew jerġgħu jiġru lil Olivia. X’jiġri fir-realtà u li tibda tinfluwenza lil dawk kollha li kienu bdew jilgħabu din il-logħba: Truth or Dare? Kif sejrin jispiċċaw? Veru każ li min jilgħab bin-nar jinħaraq!

    Film Amerikan, tal-biżà u li jintroduċina għal logħba: Truth or Dare li finalment tispiċċa twassal lil dawk li jidħlu għaliha għal diżastru. Il-film hu taħt id-direzzjoni ta’ Jeff Wadlow u kitba ta’ Michael Reisz, Jillian Jacobs, Chris Roach u Jeff Wadlow. Minħabba vjolenza ħarxa, t-tema tal-film kif ukoll lingwaġġ goff u immatur, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu it-tmintax-il sena.