• ***

    Diretturi:         Abby Kohn u Marc Silverstein

    Atturi:              Amy Schumer, Michelle Williams, Rory Schovel, Emily Ratakowski, Busy Philipps, Aidy Bryant, Naomi Campbell, Lauren Hutton u Tom Hopper

    Ħin tal-Film:    110 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       15

    Renee Barrett hi żagħżugħa, li ma kinitx kuntenta u kunfidenti biha nfisha minħabba persunitha. Kienet tinkwieta ħafna dwar dak li ħaddieħor kien jaħseb fuqha. Taħdem ġewwa uffiċċju f’Chinatown, Renee kienet tieħu ħsieb iżżomm il-websajt ta’ kumpanija kosmetika Lily LeClaire aġġornat. Xtaqet ħafna li tibdel xogħolha u taħdem fil-kwartier ġenerali tal-kumpanija fil-Fifth Avenue. Iżda għalkemm issir taf li kien hemm pożizzjoni vakanti  ta’ receptionist, xogħol li dejjem xtaqet tagħmel, minħabba li kienet konxja ħafna tal-persunitha u x’kienet qegħda titlob il-kumpanija minn dawk li japplikaw, Renee ma applikatx.

    Jum wieħed rat il-film “Big”, u dan tant ispiraha, li quddiem funtana poġġiet xewqitha li ssir sabiħa. Xejn ma jseħħ dakinhar stess, iżda l-għada, kif tkun fuq rota tal-eżerċizzju ġewwa SoulCycle, taqa’ u taħbat rasha u titlef sensieha. Meta tiġi f’tagħha, Renee tara lilha nfisha bħala persuna mibdula, f’mara sabiħa għalkemm persunitha baqgħet l-istess. Minn issa ‘l quddiem, Renee bdiet tħares lejn id-dinja b’kunfidenza fiha nfisha u meta Ethan, raġel li kien fil-ħanut ta’ Dry Cleaners, kellimha, hi ħasbet li dan qiegħed jinteressa ruħu fiha u titolbu n-numru tal-mowbajl tiegħu waqt li ttih tagħha. B’din l-attudini pożittiva, Renee tapplika għal dik il-qagħda vakanti fil-kumpanija Lily Le Claire u tant timpressjona lis-CEO tal-kumpanija, Avery Le Claire, li mhux biss tibda taħdem mal-kumpanija, iżda wkoll timpressjont lil Grant, ħu Avery.

    Minn hawn Renee tgħaddi minn avventura għall-oħra u filwaqt li issaħħaħ ir-relazzjoni tagħha ma’ Ethan, titgerrex minn ma’ sħabha, Vivian u Jane. Kollox jidher li jkun sejjer kif dejjem xtaqet tant li anke tispiċċa ġewwa Boston fuq xogħol ma’ Grant. Meta Grant jipprova jbusha, din tirċievi telefonata mingħand Ethan. Renee tmur tingħalaq fil-kamra tal-banju, u hemm sfortunatament taqa’ u taħbat rasha. X’jiġri wara dan l-inċident?

    Film Amerikan, kummiedja, taħt id-direzzjoni u kitba ta’ Abby Kohn u Marc Silverstein. Il-film jgħaddi messaġġi pożittivi u importanti għall-istima li wieħed għandu jkollu fih innifsu anke jekk persunitu mhux tant attraenti. Minħabba xi ċajt goff u l-fatt li l-fiduċja żejda tista’ twassal għall-imġieba mhux tant inkoraġġanti għal  kif wiehed igib ruħu sesswalmet qabel iż-żwieġ, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.