• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

    Knisja Parokkjali ta’ San Nikola, is-Siġġiewi

    27 ta’ Mejju 2018

    Għeżież tfal,

    L-ewwel nett nixtieq ngħidilkom prosit ta’ kemm intom libsin sbieħ. Tgħiduli: ‘Taf kemm ilna nippreparaw biex inkunu sbieħ?’ Imma għaliex ġejtu hawnhekk illum daqshekk sbieħ? Għalfejn ilbistu din il-libsa sabiħa? Ma min se niltaqgħu llum? Għax se niltaqgħu ma’ Ġesù!    

    Issa intom, meta kontu babies, kellkom libsa sabiħa ħafna wkoll, u l-mamà u l-papà u l-parrinijiet ġabukom il-knisja biex titgħammdu. Meta nitgħammdu aħna nsiru Nsara. Imma x’jiġifieri? Tfisser li nsiru ħbieb ta’ Ġesù, parti mill-familja tiegħu. U tafu kif insiru Nsara? Billi s-saċerdot jaqbad l-ilma mbierek u jpoġġih fuq rasna meta nkunu babies, għalkemm jiena issa qiegħed ngħammed anke lil min hu kbir fl-età. Fl-Għid għammidt tmien adulti u ftit wara tmienja oħra għax ma kienux tgħammdu meta kienu babies. U l-istess nagħmlu mal-adulti, jiġifieri nsawbu l-ilma fuqhom u ngħidu: ‘Jiena ngħammdek fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu’. Għax dan huwa l-isem sabiħ ta’ Alla tagħna: il-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Alla wieħed imma għandu dan l-isem sabiħ.  

    Issa intom llum ġejtu bħal ma ġejtu meta kontu babies. Ovvjament illum mhux bl-istess libsa għax issa kbirtu, mhux hekk? Imma kienet sabiħa ħafna wkoll dakinhar u llum ukoll għandkom libsa sabiħa ħafna. Dan għaliex? Għaliex il-libsa sabiħa ta’ barra hija bħal qalb sabiħa ta’ ġewwa. Intom ilħaqtu għedtulu sorry lil Ġesù qabel ġejtu llum? Għaliex ngħidulu sorry? Biex il-qalb tagħna tkun sabiħa u nadifa bħal-libsa sabiħa li għandkom.   

    Dalwaqt se nersqu lejn is-saċerdot u jagħtina l-ostja. Fl-ostja min hemm? Ġesù! Fl-ostja hemm Ġesù li se jiġi fil-qalb tiegħek u inti imbagħad mhux ħsiebek fl-oħrajn, imma f’Ġesù. U titolbu għall-mamà u l-papà, għan-nanniet, għaż-żijiet, għal ħutek, min għandu, u għad-dinja kollha. Nitolbuh ukoll għall-paċi, għall-morda, għal xi ħbieb ma jifilħux…. Inkellmuh lil Ġesù llum, inkellmuh!

    Aħna l-Insara, il-ħbieb ta’ Ġesù, kull meta niltaqgħu ma’ Ġesù? Il-ħin kollu niltaqgħu miegħu iva imma m’hemmx għalfejn tkun il-knisja l-ħin kollu lanqas. Tafu meta niġu l-knisja biex niltaqgħu ma’ Ġesù? Hawn xi ħadd jaf? Is-Sibt jew il-Ħadd! Aħna niltaqgħu ma’ Ġesù s-Sibt jew il-Ħadd. Almenu darba fil-ġimgħa. Hawn min imur kuljum!

    L-Arċipriet qalli li fis-sajf ħa jkollkom quddiesa sabiħa li tibda fit-8 ta’ filgħodu. Ma jkunx kmieni ħafna għax fis-sajf, peress li tkun is-sħana, tqumu iżjed kmieni għax ma jkollkomx skola. Imma anke l-Ħadd, min ikun jista’ jiġi fil-11 ta’ filgħodu ikun hawn quddiesa sabiħa għat-tfal, għalikom. Tgħiduli: ‘imma kull nhar ta’ Ħadd?’ Imma inti mhux kuljum tiekol? Aħna għalhekk importanti li almenu darba fil-gimgħa nirċievu lil Ġesù billi nitqarbnu.        

    Issa ħa ngħidulu talba flimkien lil Ġesù. Għidu warajja. Għażiż Ġesù, jiena nħobbok ħafna. Jien naf li inti tħobbni ħafna, ħafna, ħafna għax mitt għalija u ridt li tibqa’ magħna fit-tqarbin li aħna se nirċievu llum għall-ewwel darba. Aħna, it-tfal tas-Siġġiewi, nitolbuk għall-paċi fid-dinja, nitolbuk għall-familji tagħna, nitolbuk għall-morda, nitolbuk għat-tfal li qegħdin ibatu minħabba l-gwerer, u nitolbuk tberikna. O Ġesù, agħmel li aħna nkunu ħbieb tal-mamà tiegħek, Marija. Agħmel li aħna nkunu devoti ta’ San Nikola. Viva Ġesù!

    Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Kunu mberkin tfal.

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta

    Il-Qari tal-Quddiesa:

    Qari I: Dewt 4, 32-34.39-40

    Salm: Salm 32 (33), 4-5.6.9.18-19.20.22

    Qari II: Rum 8, 14-17

    Evanġelju: Mt 28, 16-20

    Ir-ritratti huma aċċessibbli fuq il-websajt tar-Ritratti Uffiċjali tal-Knisja f’Malta.

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace