• ***

    Direttur:          Ben Falcone

    Atturi:              Melisa McCarthy, Gillian Jacobs, Maya Rudolph, Julie Bowen, Matt Walsh, Molly Gordon, Stephen Root u Jacki Weaver

    Ħin tal-Film:    105 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      12

    Deanna Miles u żewġha Daniel kienu ilhom tlieta u għoxrin sena miżżewġin. Wara li jwaslu lil Maddie, it-tifla tagħhom l-università, Daniel jinforma lil martu li jrid divorzju. Hu jixtieq jibda ħajja ġdida billi jiżżewweġ lil Marcie, li kien f’relazzjoni sesswali magħha. Deanna, b’din l-aħbar xejn mistennija, tibqa bla kliem u xxukkjata. X’sejra tagħmel issa, mingħajr ir-raġel u t-tifla Maddie barra d-dar għal kors universitarju? Deanna, qabel ma żżewwġet kienet kważi temmet kors universitarju u waslet biex tiggradwa. Kien jonqosha l-aħħar sena, iżda Daniel kien ipperswadiha li tħalli l-kors biex jiżżewġu. Hekk kienet għamlet u issa x’sejra tagħmel bla kwalifiki?!

    Deanna tiddeċiedi li tapplika biex tkompli l-aħħar sena tal-kors fl-Arkeoloġija fejn kienet waqqfet. Sadanittant, il-proċess għad-divorzju jibqa’ miexi, b’Christine Davenport, l-ikbar ħabiba li kellha Deanna, tgħin ħafna biex iġġib kundizzjonijiet favorevoli fil-ftehim li jsir bejn Deanna u Daniel, fosthom li dan kellu jħallas għall-kors universitarju li l-eks martu xtaqet tkompli. L-università fejn kellha tkompli l-kors kienet l-istess fejn Maddie kienet sejra tibda l-istudju tagħha. Maddie għalkemm ma tantx xtaqet li ommha tkun fl-istess università, maż-żmien, mhux biss taċċetta li ommha tkun magħha, iżda wkoll tibdel il-kors biex tkun magħha fil-klassi.

    Fil-kamra reżidenzjali, Deanne ssib ruħha tgħix ma’ Leonor, Gotu, rekluż u stramb għall-aħħar. L-avventuri għal Deanne ma jonqsux u għalkemm kien hemm l-età tifred, iżda l-karattru tagħha malajr jirbaħ il-qlub taż-żgħażagħ barra Jennifer u Trina li ma kienux lesti jaċċettawha fosthom. Għal kuntrarju ta’ dawn it-tnejn, insibu lil Helen li kienet iktar imdaħla fl-età minħabba li kienet spiċċat f’koma għal tmien snin sħaħ u Jack, li kien infatwa ruħu wara Deanna li ma xtaqitx tibda relazzjoni miegħu.

    X’jiġri meta Daniel u Marcie jiddeċiedu li jiżżewġu. Maddie kienet mistiedna. Deanne min-naħa tagħha ma kinitx lesta li toqgħod kwieta u ma tagħmel xejn għal din l-okkażjoni tat-tieni żwieġ tal-eks raġel tagħha Dan. U hekk sar, b’konsegwenzi negattivi għal Deanne. X’jiġri minn hawn?   

    Film Amerikan, taħt id-direzzjoni ta’ Ben Falcone u kitba tiegħu stess u ta’ Melissa McCarthy. Minħabba temi ta’ sess, ħafna drabi frivoli, kif ukoll kliem u ċajt goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.