• ***

    Direttur:          Dominic Cooke

    Atturi:              Saoirse Ronan, Emily Watson, Anne-Marie Duff, Samuel  West, Billy Howle, Bebe Cave, Adrian Scarborough, Jonjo O’Neil  u Philip Labey

    Ħin tal-Film:    110 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      15

    Ninsabu fis-sena 1962, Edward  Mayhew u Florence Ponting kienu qegħdin iqattgħu qamar l-għasel fil-kwiet f’Chesil Beach fil-Kanal Ingliż. Permezz ta’ flashbacks, insiru nafu xi dettalji fuq il-ħajja ta’ dawn il-miżżewġin ġodda. Florence Ponting kienet ġejja minn familja borgeżija; missierha kellu fabbrika u jħaddem numru ta’ ħaddiema. Id-dar fejn kienet toqgħod kienet dar komda u lussuża. Florence wkoll kienet vjolinista u kienet tmexxi kwartett. Dejjem kellha l-ambizzjoni li maż-żmien, dan il-kwartet isir famuż. Edward Mayhew min-naħa l-oħra, kien ġej minn familja mhux daqshekk sinjura. Missieru kien kap ta’skola waqt li ommu, f’inċident li kellha b’daqqa ta’ bieba ta’ ferrovija, baqgħet tbati l-konsegwenzi koroħ u b’riżulat li xejn ma kellha kont tad-dar. Edward min-naħa tiegħu studja f’università fejn ġab marki tajbin ħafna fl-istorja. Kien jispira li jikteb biografiji qosra ta’ personaġġi mhux tant magħrufa iżda li ħallew il-marka tagħhom fuq is-soċjetà.

    Edward u Florence jaslu fuq Chesil Beach xi ftit anzjużi issa li kienu taw imħabbithom lil xulxin. It-tnejn kienu prodott taż-żmien li kienu jgħixu fih, f’soċjetà fejn ma kienx hemm il-permissività li ninsabu ngħixu llum. Kellha tkun is-sena ta’ wara, l-1963 li faqqgħet ir-Revoluzzjoni Sesswali. Deher biċ-ċar li t-tnejn ma kienux ippreparati kif sejrin jwettqu l-att taż-żwieġ u hekk jikkonsmaw il-wegħdiet li taw lil xulxin. It-tnejn kellhom trobbija differenti minn xulxin; Edward trabba f’ambjent diffiċli u magħluq minħabba l-imġieba t’ommu eċċentrika, u missieru jinsisti miegħu biex jagħmel ħiltu biex jogħġob lil Florience iżda li jastjeni minn kull forma ta’ intimità sakemm jasal jum iż-żwieġ. Florence, min-naħa tagħha, kienet tgħallmet mingħand sħabha u minn ktieb tal-anatomija tas-sess femminili, iżda kienet tistmer u baqgħet mbeżżgħa fejn jidħol is-sess. Edward iżda kien determinat li jikkonsma ż-żwieġ ma’ martu Florence li min-naħa tagħha wkoll kienet ddisprata li togħġob lil maħbub tagħha. Iżda x’jiġri meta Edward u Florence jsibu ruħhom  fis-sodda għall-ewwel darba issa li wara kollox huma miżżewġin?

    Film Ingliż, msejjes fuq in-novella bl-istess isem, taħt id-direzzjoni ta’ Dominic Cooke u kitba ta’ Ian McEwan, l-awtur tan-novella stess. Minħabba t-tema tal-film li tlaqqagħna ma’ koppja friska wara  ż-żwieg tagħhom u x’jiġri fl-ewwel jum flimkien hekk kif jiġu wiċċ imb wiċċ ma’ realtà ġdida li l-ħajja miżżewġa titlob minn xulxin.