Photos: Young people in dialogue with priests

2018 in-service course for priests comes to an end

  • Ġie fi tmiemu l-aġġornament annwali għall-membri tal-Kleru (in-service course) li sar fis-Seminarju tal-Arċisqof, fejn matul dawn it-tlett ijiem, is-saċerdoti kellhom l-opportunità jisimgħu direttament miż-żgħażagħ dwar kif iħarsu lejn il-Knisja. Is-seba' żgħażagħ ta’ etajiet differenti li indirizzaw lis-saċerdoti kienu: social worker, tattoo artist, sound engineer, studenti tal-hairdressing u żagħżugħ Kattoliku li jaħdem f’negozju tal-familja.

    It-tema magħżula għall-aġġornament ta' din is-sena  ntagħżlet fid-dawl tas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-żgħażagħ li sejjaħ il-Papa Frangisku f’Ottubru li gej. It-tema tgħid li l-Knisja tista’ tkun Knisja, u Knisja aħjar, jekk il-preżenza taż-żgħażagħ u l-vuċi tagħhom tiġi apprezzata u meħuda bis-serjetà. Għal dan il-għan, l-enfasi ma kinetx sempliċiment fuq il-kontenut iżda wkoll fuq il-metodu. Kull ġurnata kienet immarkata minn atteġġjament: smigħ, akkumpanjament u evanġelizzazzjoni flimkien maż-żgħażagħ.

    Fil-fatt, matul l-aġġornament, li ġie organizzat flimkien mal-MCYN (Malta Catholic Youth Network), is-saċerdoti kellhom l-opportunità jesploraw aktar fil-fond fejn iż-żgħażagħ qed iqattgħu il-ħin u jibnu l-identità tagħhom. Għalhekk saru wkoll focus groups għas-saċerdoti indirizzati minn esperti dwar: il-familja, l-edukazzjoni u l-isports, il-volontarjat u r-realtà online tal-midja soċjali.

    Fost il-kelliema li qasmu l-esperjenza u l-ideat tagħhom dwar kif iż-żgħażagħ jistgħu jkunu parteċipi fil-Knisja u kif is-saċerdoti stess jistgħu jibnu pont mar-realtà taż-żgħażagħ, kien hemm Miriam Teuma, il-Kap Eżekuttiv ta' Aġenzija Żgħażagħ, u kif ukoll Fr Fabio Attard sdb.


     
  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja - Ian Noel Pace