• Bħalissa fid-Dar tal-Providenza hemm 115-il resident, ilkoll bi ħtiġijiet differenti.

    Ta’ kuljum id-Dar tal-Providenza toħroġ medja ta’ €12,000 sabiex tkompli tgħin u tagħti servizz lir-residenti tagħha u lill-kumplament tas-soċjetà Maltija. Dan ifisser li d-Dar toħroġ mal-€100 kuljum għal kull resident.

    Iżda sabiex tkompli tagħmel dan ix-xogħol, id-Dar tal-Providenza qed tappella lill-poplu Malti u Għawdxi biex illejla jkun ġeneruż u jagħti donazzjoni waqt il-programm Xarabank, li ser ikun iddedikat kollu kemm hu għall-ġbir ta’ fondi b’risq id-Dar tal-Providenza. Fost il-persuni jirrispondu t-telefonati tal-lejla ser ikun hemm ukoll l-Arċisqof Charles J. Scicluna.

    Id-donazzjonijiet miġbura ser jissarfu f’aktar ħidma biex ir-residenti tad-Dar ikomplu jgawdu minn servizzi individwalizzati tal-għola kwalità li jiggarantixxu rispett sħiħ lejn id-dinjità u d-drittijiet tagħhom.

    Din is-sena, id-Dar tal-Providenza qed tfakkar għeluq il-50 sena minn meta laqgħet l-ewwel tliet residenti.