• Knisja tal-Madonna tal-Abbandunati, il-Wardija
    16 ta’ Ġunju 2018

    Waħda mill-iktar esperjenzi koroh fil-ħajja hi l-abbandun – li xi ħadd ikun skartat, abbandunat. Papa Franġisku jitkellem fuq il-kultura tal-iskart fi żmienna. Jgħid li m’hijiex biss kultura li tisfrutta lin-nies, li tqiegħed lil xi nies fil-periferija, imma wkoll li tittrattahom bħal skart. Hu jgħid li l-kultura tal-iskart ma tibqax tistma l-ħajja umana bħala valur primarju li wieħed għandu jirrispetta u jipproteġi. Il-Papa jgħid kemm hu importanti li l-komunità Nisranija taħdem biex turi rispett sħiħ lejn il-ħajja u d-dinjità tal-bniedem, li tfittex lil dawk li huma abbandunati, turihom solidarjetà u mħabba.

    Għalhekk il-festa li qed nagħmlu hawnhekk il-Wardija, il-festa tal-Madonna tal-Abbandunati, għandha rilevanza kbira fi żmienna. Hi festa li tfakkarna li Marija hi Omm il-bnedmin kollha, u saret hekk meta Ġesù tahielna fuq is-salib. Tfakkarna wkoll li proprju meta Ġesù tahielna bħala Ommna kien il-waqt meta hu kien l-abbandunat u hi kienet Omm l-abbandunat fuq is-salib. Għalhekk sa mill-bidu nett, hemmhekk wieqfa taħt is-salib, kienet Marija tal-Abbandunati.

    …il-kultura tal-iskart ma tibqax tistma l-ħajja umana bħala valur primarju li wieħed għandu jirrispetta u jipproteġi.

    Interessanti ħafna l-istorja tal-kwadru sabiħ ta’ din il-knisja, li hu xogħol ta’ Stefano Erardi, u li għadda minn burraxka meta s-suldati Franċiżi ta’ Napuljun ħabtu għal din il-knisja. Dan il-kwadru hu kopja ta’ xbieha bit-titlu ‘Nuestra Senora de los Desamparados’ (Sidtna Marija tal-Abbandunati) li hi meqjuma bħala l-patruna ta’ Valencia fi Spanja. Żgur li jolqotna l-fatt li qed nagħmlu din il-festa lill-Madonna tal-Abbandunati sewwasew meta kellna ftit ġranet ilu l-każ ta’ ‘l fuq minn 600 persuna, li għadhom sal-lum abbandunati bejn sema u ilma, li min kellu l-obbligu li jilqagħhom ma laqagħhomx, u dawn sabu ruħhom mingħajr port ta’ kenn. M’hijiex ironika li l-port ta’ kenn li ġie offrut lilhom – imma jrid jirnexxielhom jaslu sa dal-port – hu proprju ġewwa Valencia, il-post fejn il-patruna hi ‘Sidtna Marija tal-Abbandunati’?

    Illum, aħna u nagħmlu din il-festa, niftakru f’dawk kollha li huma abbandunati. Hemm dawk li minħabba forom differenti ta’ persekuzzjoni jew biex isalvaw il-ħajja tagħhom u tal-familja tagħhom ifittxu l-kenn għalihom u għall-familja u minflok isibu ruħhom skartati; hemm tfal abbandunati minn min għandu r-responsabbiltà li jieħu ħsiebhom; hemm anzjani li huma waħedhom abbandunati mill-familjari tagħhom; hemm nies li forsi lanqas nafu bihom imma qed isofru waħedhom, li qalbhom tingħafas għax m’hemm ħadd li jurihom imħabba u attenzjoni. Ftit ieħor, b’niket, inżidu ma’ dawn in-nies lil dawk il-ħajjiet umani ffriżati għal snin twal forsi xi darba tmisshom ix-xorti li jiġu aċċettati flok skartati.

    Ftit ieħor, b’niket, inżidu ma’ dawn in-nies lil dawk il-ħajjiet umani ffriżati għal snin twal forsi xi darba tmisshom ix-xorti li jiġu aċċettati flok skartati.

    Illum inġeddu l-impenn tagħna li nħarsu lejn din l-omm, il-Madonna tal-Abbandunati, biex tiftħilna għajnejna ħalli nistmaw lil kull bniedem bħala xbieha ta’ Alla li għandu d-dinjità sħiħa tiegħu għax bniedem. Nitolbuha biex tqawwilna qalbna, tmexxilna idejna u riġlejna ħalli naslu għand dawk il-persuni li għaddejjin mill-esperjenza kerha tal-abbandun.

    Nitolbu lill-Marija biex bħalma hi fetħet qalbha għal Alla meta sejħilha biex tkun ommu, u baqgħet wieqfa ħdejn is-salib ta’ binha l-abbandunat, hekk ukoll aħna nkunu qalbna miftuħa għall-Mulej biex jgħinna nkunu mbagħad wieqfa b’solidarjetà ma’ dawk kollha li għaddejjin minn din l-esperjenza iebsa fil-ħajja.

    Mons. Joe Galea Curmi
    Vigarju Ġenerali