• *****

    Direttur:           J. A. Bayona

    Atturi:              Chris Pratt, Bryce Dallas Howard, Jeff Goldblum, Ted Levine, Rafe Spall, Toby Jones, Justice Smith, B. D. Wong, James Cromwell u Geraldine Chaplin

    Ħin tal-Film:    128 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       12

    F’lejl tempestuż, fuq Isla Nublar, sit fejn sa tliet snin ilu kien hemm il-park Jurassic World, tim ta’ merċenarji f’sottomarin żgħir jieħdu kampjun ta’ DNA  minn dinosawru Indominus rex li l-fdalijiet tiegħu kienu jinsabu ġewwa l-lagoon park Mosasaurus. Il-Mosasaurius jeqred s-sottomarin għalkemm il-merċenarji jeħilusuha ħafif u jsalvaw. Iżda t-Tyrannosaurus jaħrab mill-lagoon għall-oċean. Sadanittant dibattitu sħiħ kien għaddej jekk id-dinosawri fl-Isla Nublar għandhomx jiġu salvati minħabba l-biża’ li jisbroffa l-vulkan li żgur kien jeqred kull forma ta’ ħajja li kienet tgħix hemm.

    Fis-Senat Amerikan, Dr. Ian Malcolm jinsisti li jkun aħjar għad-dinja li d-dinosawri jitħallew jmutu milli jiġu salvati. Hu jemmen ukoll li kien żball kbir li kien sar cloning ta’ dawn l-annimali.  Claire Dearing li darba kienet tmexxi l-park, twaqqaf id-Dinosaur Protection Group flimkien ma’ Franklin, eks-tekniku fil-park u Zia, veterinarja paleana. Iżda bid-deċiżjoni tas-Senat ma kienx hemm iktar skop li tkompli bil-missjoni tagħha. Claire iżda tiġi kkuntattjata minn Benjamin Lockwood, sieħeb John Hammond, it-tnejn kienu responsabbli għal proġett ta’ cloning sakemm Lockwood jinfired minn Hammond.

    Fl-estate ta’ Lockwood ġewwa California, Claire tiltaqa’ ma’ Eli Mills li kien imexxi l-operazzjoni f’Lockwood. Tiltaqa’ wkoll ma’ Maisie li Lockwood kien addotta wara l-mewt tal-ġenituri tagħha. Benjamin xtaq joħloq santwarju fi gzira għal dawn l-annimali mingħajr indħil uman. Mills kien imħasseb kemm kien possibbli li jsibu lil Blue, l-aħħar Velociraptor. Hu jikkonvinċi lil Claire biex tirrekluta lil Owen Grady biex isib lil Blue li kien ħa ħsiebu minn twelidu. Owen ma kienx ħerqan li jgħin, iżda ftit wara ċeda u ngħaqad magħhom.  Sadanittant il-grupp ta’ salvataġġ, taħt it-tmexxija ta’ Wheatly, jaslu fuq Isla Nublar. X’kienu marru hemm jagħmlu u kif dawn kienu sejrin ifixklu l-missjoni ta’ Claire, Owen, Franklin u Zia? X’kien il-ħsieb tagħhom li jsalvaw tant dinosawri minn fuq il-gzira Isla Nublar?

    Film Amerikan ta’ fantaxjenza, mimli azzjoni u avventuri li jżommok fuq ix-xwiek tul il-film kollu. Hu taħt id-direzzjoni ta’ J. A. Bayona, il-ħames wieħed minn sensiela ta’ films taħt it-titlu: Jurassic Park u t-tieni  minn triloġija ta’ films: Jurassic World. Minħabba xi xeni tal-biża’ li jistgħu jimpressjonaw, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.