• ****

    Direttur:          Jon Turteltaub

    Atturi:              Jason Statham, Li Bingbing, Rainn Wilson, Ruby Rose, Winston Chao, Cliff Curtis, Page Kennedy, Jessica McNamee, Robert Taylor u Shuya Sophia

    Ħin tal-Film:    113 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A           

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      12                   

    Jonas Taylor jipprova jsalva numru ta’ għaddasa  fosthom Dr. Heller wara attakk feroċi minn kelb il-baħar enormi. Waqt li Taylor jirnexxielu jsalva xi wħud minnhom iżda jirrifjuta li jmur lura biex isalva l-kumplament għaliex jirrealizza li jekk imur lura għalihom kien ifisser mewta ċerta għal kulħadd.

    Jgħaddu ħames snin minn din il-ġrajja traġika. Jack Morris jiltaqa’ ma’ Dr. Minway Zhangu u bintu Suyin ġewwa l-faċilità moderna ta’ taħriġ f’qiegħ il-baħar, magħrufa bħala “Mana One”. L-għan ta’ dan l-istazzjon kien li ssir riċerka biex jiskopru x’kien hemm fil-qiegħ nett tal-oċean. Bis-sistemi moderni li l-bniedem holoq, issa kien hemm il-possibiltà li jinżel fil-fond tal-ibħra aktar minn qatt qabel. Din ir-riċerka kienet taħt it-tmexxija ta’ Celeste, Toshi u The Wall, taħt is-superviżjoni  ta’ “Mac” Mackreides kif ukoll Dr. Heller li kienu jsegwu kollox mill-istazzjon b’apparat sofistikat. Il-missjoni kellha bidu tajjeb ħafna sakemm oġġett kbir laqat il-sottomarin b’riżultat li ntilef il-kuntatt ma’ Jack Morris, Dr. Minway Zhang u Suyin Zhang dawk li kienu qegħdin jiskopru l-isfel nett tal-oċean.

    Mac jissuġġerixxi li jibagħtu għal Jonas Taylor biex jagħmel attentat ta’ salvataġġ u jsalva n-nies li nqabdu hemm taħt. Mac jissuspetta li l-oġġett kbir li laqat is-sottomarin kien il-Megalodon, kelb il-baħar ta’ daqs enormi li kien maħsub li m’għadux jeżisti. Dr. Heller joġġezzjona iżda Zhang u Mac jiddeċiedu li jivvjaġġaw lejn Thailand biex jippruvaw jipperswadu lil Taylor biex jgħinhom fl-operazzjoni delikata. Sadanittant, Suyin tiddeċiedi li hi stess tagħmel attentat ta’ salvataġġ. Taylor sadanittant jinżel hu u jsalva lil The Wall u Celeste. Toshi Iżda jirrealizza li l-Magalodon kienet sejra toqtol lil kulħadd u għalhekk jiddeċiedi li jagħlaq il-passaġġ u jibqa’ hemm.

    Lura fuq il-Mana One, l-istazzjon jirċievi sinjal li klieb il-baħar kienu nifdu mill-abissi tal-oċean u fosthom kien hemm il-Megalodon. Sar attentat biex jagħmlu tfittxija għal Megalodon u meta ħasbu li sabuh, jirnexxielhom joqtluh, iżda fil-fatt ma kienx hu. Il-Megalodon kienu għadu ħaj u perikoluż għall-aħħar. X’jiġri minn hawn?

    Film Amerikan ta’ fantaxjenza, taħt id-direzzjoni ta’ Jon Turteltaub, msejjes fuq il-ktieb li ħareġ fl-1997: Meg: A Novel of Deep Terror miktub minn Steve Alten. Minħabba xeni tal-biża’ u vjolenza li tikkawża mwiet, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.