• ***

    Direttur:          Jennifer Yuh Nelson

    Atturi:              Amandla  Stenberg, Mandy Moore, Gwendoline Christie, Harris Dickinson, Skylan Brooks, Mlya Cach, Patrick Gibson, Golden Brooks u Wallace Langham

    Ħin tal-Film:    105 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                             12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                                  12

    Ruby Daly, tfajla adoloxxenti tgħix f’dinja futura fejn marda pandemika magħrufa bħala Idiopathic Adolescent Acute Neurodegeneration  (IAAN) qatlet 98% ta’ tfal taħt l-età ta’ tmintax-il sena. Dawk li ma ġewx affetwati mill-virus misterjuż, żviluppaw qawwiet psikiċi u superumani tant li jiġu ddikjarati bħala theddida serja għall-gvern korrott. Riżultat  ta’ dan, dawn inqabdu kollha u tpoġġew ġewwa kampijiet ta’ konċentrament. Hemm ma kienux ħlief pruġinieri tas-sistema adattata u aċċettata.

    Ruby tibda din l-avventura xejn sabiħa meta f’għeluq għaxar snin, hi aċċidentalment ħassret il-memorja tal-ġenituri tagħha li ma baqgħux aktar jgħarfuha bħala binthom. L-għada filgħodu, ommha ma għarfitiex tant  li mbeżżgħa, ċemplet lill-pulizija li ġew u ħadu lil Ruby lejn Thurmond, fejn hemm kien hemm kamp ta’ konċentrament għat-tfal bħalha. Dawn kienu jiġu kklassifikati skont l-abbilitajiet tagħhom: ĦODOR, kienu l-inqas perikolużi u mhux tant intelliġenti; BLU, ftit perikolużi u kienu jipposjedu kapaċitajiet telekinetik; DEHEB, meqjusa bħala perikolużi għax kellhom l-ħila li jikkontrollaw l-elettriku; il-ĦOMOR, perikolużi ħafna għax kellhom il-ħila li jiġġeneraw u jimmanipulaw in-nar; l-ORANĠJO, setgħu jikkaġunaw il-mewt u anke jikkontrollaw l-imħuh tal-oħrajn.

    Fil-kamp, Ruby tintebaħ li hi kienet ORANĠJO izda jirnexxielha bil-qawwa li kellha timmanipula l-moħħ tal-eżaminatur u tipperswadih li hi kienet tagħmel mal-ĦODOR u għalhekk ħelsitha ħafif. Jgħaddu sitt snin minn din il-ġrajja u Ruby issa ta’sittax-il sena kienet waħda mill-aktar żgħażagħ b’qawwa fenominali u suppost ikklassifikata bħala “ORANĠJO”. Ruby kienet konxja ħafna ta’ din il-verità u l-qawwa li kellha. Bis-saħħa ta’  Cute Connor, tabiba li kienet kontra l-gvern, Ruby taħrab minn Thurmond. Għalkemm ħelset minn mewta ċerta kieku baqgħet fil-kamp, iżda barra sabet tiġri warajaha biex taqbadha “Lady Jane”, kaċċatura kattiva. Għalhekk Ruby kienet ddisprata biex issib l-uniku post salv li kien għad baqa’ ghat-tfal ta’ kull età.  Dan kien f’East River. Bis-saħħa ta’ erba’ żgħażagħ li kienu fl-istess qagħda tagħha, taħt it-tmexxija ta’ Liam, Ruby taħrab minn għajnejn Connor għax bdiet tissuspettah. X’jiġri minn hawn?

    Film Amerikan ta’ fantaxjenza u eċitanti, taħt id-direzzjoni ta’ Jennifer Yuh Nelson u kitba ta’ Chad Hodge. Minħabba xi xeni ta’ vjolenza għalkemm mhux mdemmija, xi tortura kif ukoll kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.