• 

     

  • L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     


  • Bażilika Minuri ta’ Marija Bambina, l-Isla

    4 ta’ Settembru 2018

    F’din is-sena ċentinarja mill-wasla tal-istatwa għażiża ta’ Marija Bambina, ippermettuli noffri lil Marija Bambina bukkett ta’ seba’ sunetti li għandkom f’dan il-librett. Kif tafu, sunett huwa poeżija ta’ 14-il vers u fil-verżjoni msejħa Shakespearjana għandek 12-il vers imqassmin fi tlieta u mbagħad żewġ versi ta’ konklużjoni.

    Meta qrajt l-istorja ħelwa ta’ din l-istatwa tqanqalt bil-kurżità u bdejt nimmaġinaha fl-ewwel parti tal-eżistenza tagħha tterraq fuq l-ibħra tal-Mediterran. Għaliex id-dokumenti l-iżjed antiki jgħidulna li kienet fuq galjun, dak li jsejħulu il quadro di poppa, post kbir u ta’ unur u li l-providenza riedet li din l-istatwa tasal hawnhekk fostna.

    Ir-riflessjoni tal-lejla ser tkun maqsuma f’seba’ mumenti.


    Stella Maris

    L-ewwel sunett huwa riflessjoni fuq il-fatt li Marija Bambina għamlet parti mill-eżistenza tagħha bħala statwa mirquma u sabiħa tal-injam qisha kewkba tal-baħar, Stella Maris. Kemm hi ħaġa sabiħa li fil-liturġija ta’ dan is-santwarju, ta’ din il-bażilika, ta’ spiss jitkanta l-innu Ave Maris Stella, (Sliem għalik Kewkba tal-Baħar). U din l-statwa li tagħha qegħdin niċċelebraw l-400 sena mill-wasla tagħha hawnhekk, propju kienet tivvjaġġa fuq galjun u żżejjen l-ibħra u l-gżejjer bħala kewkba tal-baħar.

    Itterraq fuq l-ibħra, titqalleb mal-mewġ
    glorjuża fil-poppa tal-iżbah galjun,
    tittawwal fuq l-ilma li qisu kristall
    jew tbierek l-imsejkna li jgħumu fl-imrar.

    Issellem kull gżira kull port tas-serħan
    kull poplu li jixref biex jilqa’ ferħan
    lil ġgajta baħħara li fik ittamat,
    li talbet il-barka tad-driegħ setgħan.

    Narak statwa ħelwa ta’ tfajla Bambina,
    il-ħarsa tal-anġli b’idejk maqgħudin.
    Narak ’l fuq tgħola fuq l-ibħra kaħlana,
    narak f’xatt il-barka mal-qlub ferħanin.

    Narak, o Bambina titwassal f’dil-belt;
    u l-Isla titolbok tħarisha mill-għelt.       

    Regina Charitatis

    Imma llum qegħdin hawnhekk biex infakkru li għalina Marija Bambina hija wkoll sultana, reġina. Fl-Ewwel Qari mill-profeta Iżaija, binha, li huwa mħabbar mill-profeta, jiġi mħabbar bħala sultan Prinċep tas-Sliem u aħna fl-inkurunazzjoni tal-Verġni Marija Bambina riedna bħala poplu nsellmulha bħala reġina. U jiena llum nixtieq insellmilha bħala r-Reġina tal-Imħabba tal-Proxxmu. Nimmaġinaha, hi u titħabbar mill-anġlu li għandha ssir omm Alla u tgħid ‘iva’ lir-rieda ta’ Alla għaliha, tisma’ lill-anġlu jgħidilha li Eliżabetta diġà qiegħda fis-sitt xahar tat-tqala u skont l-Evanġelju ta’ San Luqa, il-Madonna xtaqet kważi tinsa lilha nnifsiha, hi li hi mħabbra u mtaqqla bil-Kelma tal-Mulej, imħabbra omm Alla, tmur tħaffef fuq l-għoljiet f’belt tal-Lhudija fid-dar ta’ Żakkarija, issellem lil Eliżabetta u tagħtiha l-għajnuna tagħha.  

    Kif l-anġlu tal-qawwa wassallek il-kliem
    u qallek biex tilqa’ l-Kelma fis-skiet;
    int safja bla tebgħa u Bint il-Ħellies,
    baxxejt rasek ħelwa u għedt ‘iva’ fil-kwiet.

    Ftakart li qaribtek hi tqila fil-ġuf,
    kif qallek l-arkanġlu b’sinjal mis-smewwiet,
    F’Għajn Karem tistenna il-wilt ta’ kull ġieħ
    ma’ żewġha mnikket fis-satra min-nies.

    Ftakart fil-bżonn tagħha u b’ħeffa ħallejt
    lil raħal twelidek biex tagħha tkun wens:
    imħabbtek għall-proxxmu ta’ Bint is-Sultan
    li jsaltan fil-qadi li jagħni kull ġens.

    Għallimna Bambina l-imħabba ta’ qalbek:
    mal-proxxmu niskennu bil-qawwa ta’ talbek.

    Regina Pulchrae Dilectionis

    Għaliex il-Bambina nkurunata hija sultana li tgħallimna li jsaltan veru b’sinjal ta’ ħajtu; li jsaltan veru min jimxi fuq l-eżempju tal-Imgħallem li qal: ‘Jien ma ġejtx biex inkun moqdi imma biex naqdi’. U awlillejl qabel ma bata, ħasel riġlejn id-dixxipli bħal qaddej, u qalilna; “Tafu x’għamiltilkom? Intom issejjħuli ‘l-Imgħallem’ u ‘il-Mulej’, u tgħidu sewwa, għax hekk jien. Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin” (Ġw 13, 12-14).  Imħabbtek għall-proxxmu ta’ bint is-sultan li jsaltan fil-qadi.

    Jekk aħna rridu nqimu lil Marija Bambina Reġina, l-ewwel inqimuha, l-aħwa, bħala dik ir-reġina li tgħallimna l-imħabba għaliex taħseb fil-proxxmu minkejja li hija tqila wkoll, tqila bil-Kelma tal-Mulej. Imma l-preżenza ta’ Ġesù fiha tixgħelha bl-imħabba għall-proxxmu.    

    Insellimlek, o Marija Bambina, bħala s-sutana tal-imħabba sabiħa. U nimmaġinak fit-tieġ ta’ Kana, tinduna li ma baqax inbid. U f’din il-festa tat-tieġ tilmaħ id-dulur tal-għarus u l-għarusa, u inti, bl-għajnuna ta’ ibnek terġa’ tferraħ il-festa. Għax inti tassew is-Sultana tal-Imħabba Sabiħa, Regina Pulchrae Dilectionis.

    Qalb l-hena tas-siġar tat-tin u l-ħarrub
    li f’Kana mad-dwieli jiżżewġu kexxun,
    sar tieġ tal-imħabba bejn żgħażagħ ferrieħa
    u int, o Bambina, rieduk li tkun hemm.

    Ma’ djulek ilaħħaq bil-pass tiegħu mgħaġġel
    il-frott minn ta’ ġufek Ġesù l-Mulej,
    fis-satra tas-sena ta’ bin mastrudaxxa
    ma’ ħbiebu l-ġodda mistieden hemm ħdejk,

    F’ħin minnhom tinduna li spiċċa l-inbid
    u tilmaħ id-demgħa f’għajnejn il-għarus:
    tistieden bil-ħlewwa lil ibnek Ġesù
    biex jibda kull ħidma li thenni l-qlub.

    U qalbek tiddieħak mal-ilma mibdul
    fl-inbid tal-foħrija li jhenni ’l qlub.  

    Regina Martyrum

    Imma dak l-inbid iħammar ifakkarna kif jgħallimna l-Papa Benedittu fil-ktieb tiegħu Ġesù ta’ Nazaret, li kien hemm inbid ieħor, dak tal-Ewkaristija li kellu jinbidel minn inbid fid-demm imqaddes ta’ Ġesù. Dak l-inbid ta’ Kana, l-inbid tassew tajjeb li sid il-mejda ħejja għall-aħħar tal-festa, kellu jkun xbieha tad-demm ta’ iben Marija li ċarċar mas-salib imqaddes.  

    Illum jiena nsellimlek o Marija Bambina, f’dan l-anniversajru tal-inkurunazzjoni tiegħek din is-sena tal-400 sena mill-wasla tax-xbieha qaddisa tiegħek hawnhekk bħala r-Reġina tal-Martri. U nimmaġinak fuq l-Għolja tal-Kalvarju.

    Id-dalma xxoqq il-blata tal-Qorriegħa,
    u dmugħ mad-demm iserrep għal ġox-xquq.
    Ix-xita tkarwat bikja ta’ mogħdrija
    biex trattab qalb l-ilpup illi salbuh.

    U int, o mara ġwejda, b’sejf minfuda
    tħares lejn ibnek safi fuq salib,
    tilmaħ lil dan li b’kelmtu sawwar kollox
    imut itturufnat għajr għal ħabib.

    Biss lilek kellu ma’ xi nisa twajba
    li ma beżgħux mill-għajb u lsien in-nies,
    u lilek ra bil-ħarsa kiebja tiegħek
    titfagħlu l-bews tal-omm li tħobb bla qies.

    Kun int, omm, li tfarraġ il-qlub tagħna;
    kun int, Bambina, is-sultana tagħna.    

    Regina Gloriae

    Imma din l-omm b’qalbha minfuda bis-sejf tad-dulur kellha tara lil binha jmut, kellha wkoll tarah fil-glorja tiegħu. U bir-raġun lil Marija Bambina nsellmulha wkoll bħala Sultana tal-Glorja għaliex hi ħaddnet u tħaddnet minn binha rxuxtat. Imma binha ħaseb fiha wkoll; hi li ratu fl-għajb tas-salib, ratu fil-glorja tal-qawmien u reġgħet ratu fil-mewt tagħha bħala l-ħellies tagħha għax hu, li ħarisha mid-dnub hi u titnissel, ħarisha mit-taħsir tal-mewt hi u ħierġa minn din id-dinja. U għalhekk insellmulek Marija Bambina, inkurunata bħala s-Sultana tal-Glorja. Għax kif żernaq jum il-ħaqq tal-glorja t’ibnek fi dwejra umli, ċkejkna fejn kont tgħammar, deher dawl sabiħ ta’ għodwa tassew ġdida u ibnek ħaddnek bil-għożża tal-qawmien.

    Ħaddejk iħammru b’ferħ ir-rebħa kbira
    u dmugħ tal-hena jġelben lejn xufftejk:
    hekk fit-tgħanniqa tiegħek ma’ frott ġufek
    il-fwieħa ħelwa timla kullimkien.

    Il-qamar ġdid f’riġlejn l-għolja qaddisa,
    li miż-żebbuġ iġġib il-għarfa tagħha,
    kien lest biex jilqa’ l-ġisem safi tiegħek
    biex jostor f’ħemda l-omm fi djul l-imwiet.

    Iżd’issa wkoll fid-dawl sabiħ tal-glorja,
    tfeġġlek fil-għożża fwieħa tal-qawmien,
    u ibnek jgħannqek bħala ħellies tiegħek
    u jbusek bews il-ħajja ta’ bla tmiem.

    Hekk int fil-glorja tagħna ssir reġina;
    hekk narawk tant omm bil-wisq ħanina.     

    Salve Reġina, Mater Misericordiae

    Intom tafu li din is-sultana tal-imħabba u tal-għożża sabiħa, din is-sultana tal-martri, din is-sultana tal-glorja, kienet għalikom, għażiż poplu tal-Isla, reġina u omm il-ħniena. Għaliex lil din ix-xbieha intom ilqajtuha 400 sena ilu, imma quddiemha fis-sekli nġabrtu biex titolbu għajnuna speċjali. U allura llum tajjeb infakkru, mhux biss il-miġja tal-istatwa fl-1618, imma wkoll il-ħelsien min-nixfa qalila fl-1718 u l-ħelsien mill-pesta fl-1813 u wkoll il-fatt li fil-gwerra ta’ 100 sena ilu, Malta nħelset mit-turufnament. Imma rridu niftakru wkoll li l-Isla batiet ħafna fl-aħħar Gwerra Dinjija u qatt u qatt ma qatgħet qalbha mill-ħarsien tal-omm tagħna Marija Bambina.

    Sliem għalik Reġina Omm il-Ħniena, Salve Regina, Mater Misericordiae. U jiena nimmaġinaha l-ewwel nett tasal hawn wara nawfraġju bħalma wasal Missierna San Pawl wara nawfraġju.       

    Il-kwadru tal-poppa tal-isbaħ galjun
    li b’għozza kien ħaddnek bil-qawwa ta’ ljun
    kien biss laqx jitħabbat bil-qilla mal-blat
    sakemm id ħanina wasslitek sal-art.

    Ulied Belt Invicta laqgħuk bl-akbar ġieħ
    għożżewk fil-qalb tagħhom, talbuk kullimkien:
    Ħaristhom min-nixfa li tgħakkes bil-ġuħ,
    ħaristhom mill-pesta li tisraq biss dmugħ.

    Kemm kienet ta’ faraġ il-ħarsa t’għajnejk,
    li tixref fis-sema kif tinfed il-qlub!
    Kemm għożża, kemm għaxqa f’riġlejk kienu jħossu
    jitolbu li tgħinhom jinħelsu mid-dnub.

    Marija Bambina, o Sliem, o Sultana!
    Tal-Ħniena Reġina, kun int dejjem magħna!

    Die 4a Septembris AD 1921

    U l-aħħar sunett tiegħi li noffri lil Marija Bambina, irid ifakkar l-anniversarju li bi ħġarna qed nikkommemoraw illum. Dik il-ġurnata għażiża tal-4 ta’ Settembru tal-1921 meta l-predeċċessur tiegħi Mons. Mauro Caruana fost il-ferħ mhux biss tan-nies tal-Isla imma ta’ Malta kollha, fix-xatt taħt it-tribuna jew il-kuruna li offrew għall-okkażjoni n-nies ta’ Ħal Lija, u li għadna ta’ kull sena narmaw għas-Salvatur, kien jixraq li l-iben isellef lil ommu, il-kuruna tiegħu biex taħtha hi ssir reġina, dakinhar Malta kollha ngħaqdet hawnhekk b’qalb waħda u tifraħ b’dan il-ġest sabiħ li wera d-devozzjoni ta’ dan il-poplu lejn Marija Bambina u ħallasha ta’ tant sekli ta’ ħarsien.    

     

    Iż-żiffa tal-ħlewwa li tferraħ il-qalb
    titliegħeb fuq l-ilma mal-leħen tat-talb,
    u l-għanja tal-ġemgħa titħaddan mas-swar
    f’girlanda ta’ mħabba li tħeġġeġ bħan-nar.

    U l-Isla ferħana tissieħeb mal-kant
    tal-Ave lill-kewkba li tmexxi kull kmand.
    Kull ħarsa, kull xoffa jirtogħdu mas-smigħ
    tal-kelma tal-Papa li jħabbar is-sliem.

    Tal-kelma li tordna li r-ras tal-Bambina
    tiżżejjen b’kuruna ta’ ġieħ u ta’ ġmiel;
    U l-Isqof Don Mauro isellem b’reġina
    Lill-omm ta’ kull għaxqa li timla kull żmien.

    Hekk instemgħet il-għanja ta’ talbna,
    hekk intemmet ix-xewqa ta’ qalbna.

    Viva Marija Bambina!

     Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

     

  •  

  • Ritratti: Kurja – knisja.mt/ritratti