•  

  • L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     


  • Motherhouse tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, ir-Rabat
    9 ta’ Settembru 2018

    Fil-knejjes ta’ Malta u Għawdex illum qiegħda tinqara l-Ittra Pastorali tagħna l-Isqfijiet. Ħa nagħmlilkom summary ċkejkna tagħha biex ma nċaħħadkomx minn din l-opportunità tad-deheb li tisimgħu lill-Isqfijiet tagħkom.

    Għażilna li nitkellmu fuq il-kwistjoni tal-housing u semmejna wkoll li din hija kwistjoni li qed taffettwa wkoll it-tama ta’ ħafna miż-żgħażagħ tagħna. Naf żgħażagħ li meta tkellimhom fuq iż-żwieġ isemmulek mill-ewwel il-kwistjoni tad-dar. X’se nagħmlu għad-dar tagħna? Naf bid-diffikultajiet taż-żgħażagħ li qed imorru l-banek, jippruvaw jaraw x’opportunitajiet hemm ta’ self biex ikollhom id-dar tagħhom imma l-banek dejjem jirrifjutaw jagħtuhom self għaliex il-pagi tagħhom ma jlaħqux mal-kwota mensili ta’ dak li jirrikjedi l-bank.

    Din hija sitwazzjoni ta’ emerġenza. Mhijiex sitwazzjoni minn dawk li nistgħu ngħidu nistennew ħames snin oħra u mbagħad naraw. Hemm sitwazzjonijiet ta’ diffikultajiet fl-immedjat, fit-terminu medju u anke fil-futur. Aħna nfakkru fit-tagħlim tal-Papa Franġisku li meta jitkellem fuq l-ekoloġija umana—u jispjega li il-kelma ‘ekoloġija’ hija r-relazzjoni bejn l-organiżmu ħaj bħalna l-bnedmin u l-ambjent fejn ngħixu—li titlob li dak li jkun ikollu mhux biss id-dritt imma l-possibbiltà  ta’ saqaf dinjituż fejn joqgħod. Huwa kontra d-dinjità tal-bniedem li inti m’għandekx fejn toqgħod.      

    Fl-Ittra Pastorali nagħmlu ħames appelli: lis-soċjetà Maltija, lill-politiċi, lis-sidien tal-propjetajiet u lill-iżviluppaturi, lill-inkwilini (dawk li qegħdin jikru mingħand ħaddieħor) u anke lill-komunitajiet ekkleżjali.   

    L-appell lis-soċjetà Maltija huwa li aħna ma nwebbsux qalbna quddiem dawn is-sitwazzjonijiet. Faċli ngħidu: ‘Jiena għandi d-dar tiegħi, missieri ħallieli flat, ma jimpurtanix mis-sitwazzjoni ta’ ħaddieħor’. Anke għaliex, nistgħu ngħidu għall-grazzja ta’ Alla, il-maġġoranza tal-Maltin għandhom id-dar tagħhom imma meta naħsbu fil-ġenerazzjonijiet futuri, tista’ tgħid: ‘Inwaqqa d-dar u nagħmel ħames flats għat-tfal’. Imma mhux kulħadd jista’ jagħmel dan b’mod speċjali min qiegħed fil-kera ta’ ħaddieħor. Mela l-appell lis-soċjetà Maltija huwa li niftħu għajnejna għas-sitwazzjoni preżenti u kulħadd jaħdem flimkien. 

    L-appell lill-politiċi huwa biex ma joqogħdux jiġġieldu bejniethom u din il-kwistjoni jistgħu jagħmluha ballun li jitfgħu lil xulxin jew igaraw lil xulxin. L-appell tagħna lill-politiċi huwa li għandkom id-dover taħdmu flimkien għall-ġid komuni u din hija kwistjoni ta’ verament ġid komuni għal kulħadd.     

    L-appell lill-iżviluppaturi, li qed jagħmlu l-flus tagħhom għaliex jibbażaw fuq il-liġi ekonomika, li hija għamja, tad-demand and supply, jiġifieri l-prezz nagħmlu skont kemm hemm domanda, se ngħolli l-prezz għax jien il-prezz xorta se nitħallas tiegħu. L-appell tagħna hu li jagħrfu l-valur tar-rażan. U allura l-kriterju fil-prezzijiet għandu jkun kriterju ġust u ekwu imma anke kriterju ta’ responsabbiltà u ta’ solidarjetà. Għandna kelma iebsa lil min ikeċċi ’l barra familji sħaħ u jpoġġihom fit-triq u ma jimpurtahx x’ġara minnhom biex jagħmel l-eluf, għax dak irid jagħti kont lil Alla, jekk jemmen fih.  Imma meta jasal il-mument tiegħu se jsib imħallef ġust li jgħidlu: ‘Jiena kont qed inħallsek kera ġusta, int tfajtni ’l barra biex tagħmel l-eluf’.  “Kulms għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).

    L-appell lill-inkwilini huwa li jirrispettaw anke l-kriterju tal-ġustizzja; jekk inti qiegħed fil-kera ta’ ħaddieħor, tħallas il-kera, tħallas id-dawl u l-ilma, ma tagħmilx ħsara lill-post imma tieħu ħsiebu, u jekk ikollok titlaq ma tagħmilx ħsara b’vendikazzjoni bħalma kultant jiġri. Ngħidu wkoll li mhux sew li int tapplika għall-housing soċjali meta ma għandekx dritt għalih u dan billi tqarraq jew taħbi għaliex il-housing soċjali qiegħed għal min għandu verament bżonn.   

    L-aħħar appell, il-ħames wieħed, huwa lill-komunitajiet ekkleżjali, lilna l-Insara. Aħna ma nistgħux nibqgħu inħarsu biss. Qegħdin nagħmlu ħafna u nsemmu dak kollu li tagħmel il-Knisja f’Malta flimkien mal-parroċċi u l-ordnijiet reliġjużi fosthom djar li qegħdin jingħataw għal night xelters u hostels għall-istudenti. Insibu l-Kummissjoni Emigranti li toffri 400 post ta’ akkomodazzjoni lil 400 migrant kuljum, Dar Papa Franġisku, Dar Maria Dolores b’sehem mal-Gvern u anke tal-privat, Dar Osanna Pia, Dar Suret il-Bniedem, biex ma nsemmix anke Dar Merħba Bik. Dawn huma kollha esperjenzi ta’ xhieda imma hemm bżonn li jikbru skont il-ħtieġa.      

    Fl-aħħar nitolbu l-interċessjoni ta’ Sidtna Marija biex aħna l-Maltin ma nitilfux il-kuxjenza soċjali tagħna.

    Ħsieb qasir fuq l-Evanġelju tal-lum. Elfejn sena ilu kien hemm wieħed li ma kienx jitkellem, kien imbikkem, trux u ma jitkellimx. Il-Mulej iltaqa’ miegħu u dan beda jitkellem. Allura? What’s there for me? Lili x’tgħidli din il-Kelma? Kull meta nirrifletti fuq dan il-miraklu ta’ Ġesù jolqotni l-fatt li l-Mulej b’sinjali qawwija ħafna—qegħdin fl-Evanġelju ta’ San Mark li huwa l-inqas Evanġelju ċċensurat—u b’kuntatt qawwi fiżiku ma’ dan ir-raġel li ltaqa’ miegħu, jagħti lura l-kapaċità lil dan ir-raġel, anzi jagħtihielu, li jisma’ u jitkellem.

    U din għandna bżonnha fil-komunitajiet tagħna; hemm bżonn nitolbu lill-Mulej jagħtina dawn il-communication skills. Kemm titkellmu bejnietkom intom l-għaqdiet? Kemm tisimgħu lil xulxin intom l-għaqdiet? Jew aħna wkoll qegħdin fl-istat tat-torox u l-imbikkmin meta ma nikkomunikawx bejnietna, meta ma naqsmux l-informazzjoni bejnietna, meta l-opportunitajiet li noffru lil xulxin kulħadd jagħlaq il-bieb għalihom?  

    Għandna bżonn ukoll l-intervent ta’ Ġesù li jidħol f’nofsna u fejn hemm min ma jridx jitkellem, iħollu lsienu, u fejn hemm min ma jridx jisma’ jagħtih id-don tas-smigħ. Għax fundamentalment dawn mhumiex kwistjoni tal-fiżika imma kwistjoni tal-atteġġjament. Inti tista’ tisma’ imma ma tridx, tista’ tkun taf titkellem imma ma tridx tikkomunika. U aħna għandna bżonn il-preżenza ta’ Ġesù li jirrendi tant sitwazzjonijiet ta’ torox u mbikkmin li jinħallilna lsienna biex infaħħru lil Alla u nitkellmu bejnietna u wkoll jiftħilna widnejna biex nisimgħu lil xulxin.  

    Dan l-Evanġelju jirritorna tliet snin oħra, jekk Alla jrid. Dettall li laqatni fil-meditazzjoni li għamilt għal din is-sena hu li l-Mulej għamel dan il-miraklu f’ambjent sekularizzat bħalma hu tagħna. Għaliex intom tafu li fl-Iskrittura importanti wkoll tfittex fejn Ġesù għamel il-miraklu. L-Evanġelju ta’ San Mark, bħall-Evanġelji oħra, jagħtina dawn id-dettalji. Ġesù telaq mill-inħawi tal-belt ta’ Tir li hija belt pagana, għadda minn Sidon, belt oħra sekularizzata, lejn il-Baħar tal-Galilija fl-inħawi ta’ Dekapoli. Id-Dekapoli x’inhi? Id-Dekapoli kienet reġjun ta’ għaxart ibliet: deka u polis li kienu kollha ’l barra, fil-periferija mill-influwenza tal-poplu ta’ Alla, tal-Lhud.          

    Ġesù jagħmel dan il-miraklu f’ambjent sekularizzat u mhux f’ambjent ta’ fidi. Nistgħu ngħidu li l-Evanġelju tal-lum jagħtina l-atmosfera attwali ħafna. Aħna wkoll qegħdin fir-reġjun tad-dekapoli, qegħdin f’reġjun sekularizzat għall-aħħar. Imma fl-istess ħin anke f’dan l-ambjent hemm dik it-tikka fidi li meta jgħaddi Ġesù minn fosthom, jippreżentawlu wieħed trux u mbikkem u jitolbuh iqiegħed idu fuqu biex imissu. U Ġesù jagħmel iżjed minn hekk. L-evanġelista jitkellem fuq dan ir-rit privat, qalb in-nies, idaħħal subgħajh f’widnejh, imisslu lsienu bir-riq tiegħu. 

    Ma nafx jekk kontux preżenti għal xi magħmuduja ta’ tarbija. Is-saċerdot ħin minnhom, juża l-kelma ephetha, li juża Ġesù hawnhekk f’dan il-miraklu, u jagħmel salib ċkejken fuq il-widna tat-tarbija u anke fuq il-fomm li hija memorja ta’ dan il-miraklu li huwa parti mir-rit tal-Magħmudija. It-talba li jgħid is-saċerdot fuq it-tarbija hija li jalla tikber biex inti tkun tista’ tisma l-Kelma ta’ Alla u b’xofftejk tfaħħar lill-Mulej. U dan ukoll huwa miraklu li nixtiequ fuq iż-żgħażagħ tagħna, fuq is-soċjetà tagħna u fuqna wkoll: li l-widnejn tagħna ma jibqgħux torox imma jinfetħu għall-Kelma ta’ Alla, nisimgħuha u nagħmluha; u li x-xufftetejn tagħna u leħinna jinfetħu fit-tifħir tal-Mulej.

     Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

     


  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Iż 35, 4-7a
    Salm: 145 (146), 7.8-9a.9bċ.10
    Qari I: Ġak 2, 1-5
    Evanġelju: Mk 7, 31-37

     

  •