• Wara proġett ta’ restawr u konservazzjoni, il‑pittura tal‑Isqof Pawlu Alpheran de Bussan tal‑artist Francesco Zahra tinsab lura fil‑Palazz tal‑Arċisqof, il‑Belt Valletta. Il‑kwadru, li reġa’ sab postu fis‑Sala tat‑Tron, jista’ jiġi apprezzat mill‑pubbliku nhar is‑Sibt li ġej, 6 ta’ Ottubru, waqt is‑serata tan‑Notte Bianca.

    L‑istudji u x‑xogħol ta’ restawr u konservazzjoni saru bejn Awwissu u Diċembru 2017 mid‑ditta Atelier del Restauro, taħt it‑tmexxija ta’ Valentina Lupo u Maria Grazia Zenzani. Il‑pittura tnaddfet mill‑verniċ skur li kien qed itellef mit‑tgawdija tal‑kuluri oriġinali ta’ dan ix‑xogħol artistiku. Il‑proċess ta’ konservazzjoni inkluda t‑tisħiħ tal‑kuluri, iż‑żieda ta’ kuluri fil‑partijiet neqsin, it‑tiswija tat‑tila oriġinali u t‑tqegħid tagħha fuq frame ġdid tal‑injam. Dan kollu sar skont l‑etika tal‑konservazzjoni.

    Dan il‑kwadru tas‑seklu 18 jitqies bħala wieħed mill‑aqwa ritratti tal‑artist Malti Francesco Zahra (1710‑1773). Ir‑restawr li sar ippermetta li jerġa’ jiġi apprezzat it‑talent ta’ Zahra fl‑użu tal‑kuluri u l‑kapaċità li jippreżenta ritratti naturali tas‑suġġetti tiegħu.

    L‑Isqof Alpheran de Bussan twieled fi Franza fl‑1686 u miet Malta fl‑1757. Jibqa’ mfakkar għall‑kontribut tiegħu fil‑bini tal‑Katidral ta’ San Pawl u fit‑twaqqif tas‑Seminarju, bini li llum qed iservi bħala l‑Mużew tal‑Katidral tal‑Imdina.

    Kienet xewqa tal‑Arċisqof Charles J. Scicluna li jiġi rrestawrat il‑kwadru tal‑Isqof Alpheran de Bussan sabiex dan il‑kapulavur ikun jista’ jitgawda mill‑pubbliku waqt l‑attivitajiet pubbliċi li jsiru fil‑Palazz tal‑Arċisqof.

    Waqt in‑Notte Bianca, il‑viżitaturi ser ikunu jistgħu jgawdu l‑kollezzjoni ta’ pitturi, skulturi u arti dekorattiva li jinsabu fil‑kmamar kollha tal‑piano nobile, il‑ġnien bis‑siġar taċ‑ċitru, kif ukoll iċ‑ċisterni u l‑għerien ta’ taħt il‑palazz. Il‑Palazz tal‑Arċisqof ser ikun miftuħ mis‑6:00 p.m. sa nofsillejl u d‑dħul huwa b’xejn.