The power of youth within the Church

Omelija waqt Quddiesa fil-bidu tal-Missjoni ż-Żgħira u l-festa ta’ Santa Tereża ta’ Lisieux

  • L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

     
  • Il-Knisja Parrokkjali, Ħal Luqa
    1 ta' Ottubru 2018

     
  • Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, li l-festa tagħha niċċelebrawha llum u li hi patruna tal-missjonijiet, hi qaddisa li għandha ħafna x’tgħidilna fi żminijietna.


    Żagħżugħa, mara, kontemplattiva

    Hi qaddisa żagħżugħa. Għexet 24 sena imma wriet il-qawwa taż-żgħożija fil-ħajja tal-Knisja. Dan jgħodd ħafna għalina llum meta qegħdin viċin ħafna l-ftuħ tas-Sinodu tal-Isqfijiet f’Ruma proprju fuq iż-żgħażagħ u fejn qed nitolbu biex il-Knisja tagħraf iġġedded il-ħidma pastorali maż-żgħażagħ. Il-Missjoni ż-Żgħira, fil-ħidma tagħha ma’ kulħadd imma b’mod speċjali mat-tfal u ż-żgħażagħ, żgur issib f’din il-qaddisa żagħżugħa mudell sabiħ ta’ ħajja Nisranija li tista’ tipproponi lit-tfal u liż-żgħażagħ illum.

    Hi qaddisa mara. Fil-ħajja tal-Knisja nsibu numru ta’ qaddisin nisa li taw kontribut kbir għat-tiġdid tal-Knisja. Tereża tfakkarna fil-kontribut sabiħ li tant nisa qed jagħtu fis-soċjetà u wkoll fil-Knisja u kemm hemm bżonn li aħna napprezzaw u nistmaw dan il-kontribut.

    Hi qaddisa kontemplattiva. Għal Santa Tereża l-ħajja ta’ kontemplazzjoni kienet ħajja għażiża li timlielha ħajjitha. Fi żminijietna, meta tant nies qed ifittxu xi ħaġa jew xi ħadd li jimlielhom ħajjithom, kultant bla ma jafu, Tereża turi t-triq li għandna nfittxu u li għandna nwasslu lill-oħrajn.

    Papa Ġwanni Pawlu II fl-1997 kien iddikjara lil din il-qaddisa duttur tal-Knisja, għax ħajjitha qasira mimlija għerf.

    X’tgħidilna lilna llum Santa Tereza? Jien nixtieq insemmi tliet punti li nara f’din il-qaddisa li huma ta’ għajnuna għalina llum f’ħajjitna.


    Ilkoll imsejħin għall-qdusija

    Santa Tereża turina li aħna lkoll imsejħin għat-triq tal-qdusija. Jgħidha l-Papa Franġisku b’insistenza fl-eżortazzjoni appostolika Ifirħu u Thennew, li l-qdusija mhjiex xi ħaġa riservata għal xi tip ta’ nies. Hi sejħa għalina lkoll. Hi sejħa biex nagħrfu lil Alla bħala Alla li jħobbna b’imħabba bla tarf u din l-imħabba tiegħu bla tarf tiltaqa’ magħna bnedmin dgħajfa u midinba. Meta niftħu qalbna għal din l-imħabba ta’ Alla, hi tibdlilna ħajjitna.

    Il-qdusija hi għal kulħadd. Int omm? Hemm, fil-familja, sejjaħlek il-Mulej biex titqaddes. Int ħaddiem? Hemm sejjaħlek il-Mulej, fir-responsabbiltà biex taqdi dmirek b’onestà u tagħti s-sehem tiegħek għall-ġid (ara Ifirħu u Thennew, par. 14). Il-qdusija mhijiex riservata għal ġol-knisja, mill-bieb ’il ġewwa, imma kull fejn inkunu.


    Il-valur tat-triq iċ-ċkejkna

    Santa Tereża turina l-valur li ngħixu l-fidi tagħna fis-sempliċità tal-ħajja ta’ kuljum u fl-affarijiet iż-żgħar. Dik it-triq iċ-ċkejkna li twassal għall-ħajja ta’ dejjem. Dan hu messaġġ importanti għalina li kultant nimmaġinaw li huma biss l-affarijiet il-kbar li għandhom valur, dawk li jagħmlu ħoss, li n-nies titkellem fuqhom. Mentri huma l-affarijiet iċ-ċkejknin – per eżempju, kelma ta’ ġid, tbissima, azzjoni ta’ mħabba, sagrifiċċju – dawn għandhom valur kbir fl-għajnejn ta’ Alla, ukoll meta jkunu moħbija u ħadd ma jintebah bihom.


    Inxerrdu l-imħabba madwarna

    Santa Tereża turina li l-akbar missjoni li nistgħu naqdu fil-ħajja tal-Knisja hu billi nxerrdu l-imħabba madwarna. Hi xtaqet tkun fil-qalb tal-Knisja biex il-qalb tkun tħabbat b’imħabba kbira. Hu proprju l-kontra ta’ dak li ġieli niltaqgħu miegħu fil-ħajja tal-Knisja fejn hawn min qisu jħossu b’missjoni biex joħloq firda, konflitt, biex jaqsam il-Knisja. Din hi tentazzjoni li jkollhom kultant l-istess nies tal-Knisja, l-istess nies li huma attivi u jaħdmu ħafna fil-komunità, u x-Xitan kultant jinqeda bl-iktar oġġetti qaddisa biex joħloq din il-firda.

    X’għandha tkun ir-risposta tagħna? Li bħal Santa Tereża nxerrdu l-imħabba, inkunu fil-qalb tal-Knisja mhux biex il-Knisja jkollha qalb iebsa, jew tkun qalbha sewda, imma biex tkun qalbha kollha ħniena u mħabba lejn l-oħrajn ħallli l-imħabba ta’ Alla tasal għand kulħadd, speċjalment għand dawk li huma l-aktar fil-bżonn.


    Bidu tal-Missjoni

    Aħna u nagħtu bidu għall-Missjoni ż-Żgħira f’din il-parroċċa, nitolbu lil Santa Tereża tal-Bambin Ġesù biex din tgħin lill-komunità ta’ Ħal Luqa u lilna lkoll napprezzaw is-sejħa tagħna għall-qdusija, il-valur tal-affarijiet iż-żgħar u sempliċi fil-ħajja ta’ kuljum, u l-missjoni li nxerrdu dejjem l-imħabba ta’ Alla fost kulħadd, speċjalment fost dawk li tbiegħdu minnu.


    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju

     
  •  
  • Ritratti: knisja.mt/ritratti