• L-Arċidjoċesi ta’ Malta ħatret lis-Surmast Christopher Muscat bħala l-Maestro di Cappella tal-Katidral Metropolitan. L-irwol tal-Maestro di Cappella hu li jipprepara u jidderieġi l-mużika u l-kor fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi fil-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina, u fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, kif ukoll jippromwovi l-mużika liturġika fl-Arċidjoċesi ta’ Malta.

      Is-Surmast Christopher Muscat, li hu kompożitur u direttur, ilu involut fil-mużika sagra sa mill-età ta’ 10 snin meta kien membru tal-kor tal-Konkatidral ta’ San Ġwann. Huwa ggradwa b’Baċellerat tal-Arti bl-Unuri fil-Mużika mill-Università ta’ Malta u kiseb lawrja ta’ Master fil-Mużika mill-Università ta’ Surrey.

  • Fl-2004 beda jmexxi l-Kor Jubilate Deo, li twaqqaf fl-1974 fil-parroċċa tan-Naxxar u li issa ser isir ukoll il-kor residenti tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u tal-Arċidjoċesi. Muscat mexxa diversi kunċerti f’okkażjonijiet speċjali fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, fil-Katidral tal-Imdina, fil-Katidral ta’ Westminister f’Londra u fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan. Ix-xogħlijiet tiegħu ndaqqu f’ċentri Ewropej importanti kif ukoll fit-Tuneżija, fiċ-Ċina u fl-Istati Uniti.

    Matul is-snin ikollabora u ħadem ma’ diversi orkestri, korijiet u artisti ta’ fama internazzjonali fosthom il-Medici String Quartet, i Virtuosi di Praga, il-kompożituri Karl Jenkins u Marco Frisina, in-National Youth Choir of Great Britain u l-Coro Sinfonico di Milano Giuseppe Verdi.

    Christopher Muscat huwa membru tal-Kunsill Dinji tal-Korijiet u regolarment ikun mistieden biex jiġġudika kompetizzjonijiet internazzjonali vokali, strumentali u ta’ kompożizzjoni. Għal ħafna snin kien ukoll id-Direttur Artistiku u President tal-Malta International Choir Festival.