"Whether we live or whether we die, we are the Lord's"

Mass on All Souls' Day



  •  
  • L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     

  • Il-Knisja taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, Raħal Ġdid

    2 ta' Novembru 2018


    It-tliet snin li Ġesù għamel iterraq fil-Galilija, fil-Lhudija u fis-Sammarija, kien hemm mumenti li wera l-qawwa tiegħu fuq il-mewt. Mill-mewt qajjem lit-tifla ta’ Ġajru li kellha 12-il sena; qajjem mill-mewt liż-żagħżugħ u l-uniku tifel tal-armla ta’ Najm; u qajjem mill-mewt lill-ħabib tiegħu Lazzru.

    Kif smajna wkoll fl-Evanġelju tal-lum (Ġw 6, 37-40), dawn it-tliet episodji juru li profeta kbir kien qam f’nofshom. Meta ltaqa’ maż-żewġt aħwa ta’ Lazzru, il-Mulej tkellem u kkonferma l-qawwa tiegħu fuq il-mewt: “ien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt” (Ġw 11, 25-26). Skont ukoll l-Evanġelju ta’ San Ġwann, dan il-kliem qalu wkoll f’Kafarnahum meta tkellem fuq il-Kelma tiegħu u l-ħobż tal-Ewkaristija bħala l-ikel tal-ħajja ta’ dejjem: “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx ... u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum” (ara Ġw 6, 34-40). It-tqarbina li nagħmlu u li biha nkunu ħaġa waħda mal-Mulej, għalkemm aħna nies dgħajfin, aħna nies li kuljum qed nersqu lejn dak il-mument li nħallu kollox u nkunu ħaġa waħda miegħu. Aħna u nersqu lejn it-tqarbin inkunu qed induqu d-destin tagħna stess. L-għamara ta’ din id-dinja tinħall u għalina titħejja għamara sabiħa fil-ġenna. “Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu,” jgħidilna l-Mulej (Ġw 14:2).

    Kemm hi ħaġa sabiħa li llum inqawwu l-fidi tagħna f’dawn il-wegħdiet ta’ Ġesù. Dawn l-episodji, li huma tlieta, jikkonfermaw il-Kelma ta’ Ġesù, għaliex bil-kliem tista’ tgħid ħafna affarijiet, imma l-Kelma li qal Ġesù u s-setgħa li qal li għandu fuq il-mewt uriha waqt li kien fostna, u kkonfermaha bl-iżjed mod qawwi u speċjali fl-irxoxt tiegħu nhar l-Għid il-Kbir. It-tliet persuni li semmejt (it-tifla ta’ Ġajru, it-tifel tal-armla ta’ Najm u Lazzru) irritornaw mill-mewt imma mbagħad wasal il-jum meta għamlu l-pass u daħlu fl-eternità.

    Il-qawwa li wera Ġesù ma kinitx l-istess bħall-qawwa l-kbira li wera fl-irxoxt tiegħu mill-mewt, fejn hu darba għall-dejjem rebaħ fuq il-mewt. Difnuh ġo qabar, imma dak li rajna u nafu bih aħna huwa qabar vojt. L-irxoxt tal-Mulej huwa s-sinjal veru tal-qawwa li l-għeżież ħutna li ħallewna, u aħna wkoll meta ngħaddu mill-velu tal-mewt, qed jistenniena fil-qawmien għall-ħajja li aħna nsejħulu r-raqda tal-mewt, il-mistrieħ tal-mewt. Dawn huma espressjonijiet antiki ħafna li minn dejjem użajna. Meta Ġesù tkellem fuq il-mewt ta’ Lazzru qalilhom ‘rieqed’ imma kien mejjet (ara Ġw 11, 1-16). Fil-fatt, fuq l-oqbra tal-ewwel Insara, ma kinux jiktbu li mietu, imma li raqdu fi Kristu.

    Din hi r-raqda tal-mewt li aħna fiha nistennew il-qawmien għall-ħajja fl-aħħar ħin. Tgħiduli: ‘Allura  rridu nistennew ħafna?’ Meta ngħaddu mill-velu ta’ bejn din il-ħajja u l-oħra, il-ħin ma jibqax importanti u għalhekk, bħalma jgħidilna l-Appostlu Missierna, qed nitkellmu fuq misteru. Il-kelma tal-faraġ jagħtihielna l-Appostlu Missierna fit-Tieni Qari li smajna llum fl-Ittra lir-Rumani: "Sew jekk ngħixu, sew jekk immutu, aħna tal-Mulej".

    Agħtihom o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqhom, jistrieħu fis-sliem, ammen.


    ✠ Charles J.Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

     

  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Ġob 19:1.23-27a
    Salm: 26
    Qari II: Rum 14, 7-9
    Evanġelju: Ġw 6:37-40

     
  • Ritratti: knisja.mt/ritratti