• L‑Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea‑Curmi inawgura ċ‑ċentru parrokkjali l‑ġdid tal‑parroċċa ta’ Ħal Balzan, kif ukoll wirja kollettiva ta’ arti fl‑istess ċentru minn 15‑il artist li joqogħdu Ħal Balzan.

    L‑Isqof Galea‑Curmi bierek il‑post u faħħar il‑ħidma u d‑dedikazzjoni ta’ kull min ħadem biex dan il‑proġett iseħħ, speċjalment ħidmet Mons. Karm Farrugia, il‑kappillan tal‑parroċċa tal‑Annunzjata (Ħal Balzan). L-Isqof qal li l‑Papa Franġisku, fl‑eżortazzjoni appostolika Evangelii Gaudium, jitkellem dwar kif fil‑proċess ta’ evanġelizzazzjoni, l‑arti għanda rwol importanti li tesprimi s‑sbuħija li tfakkarna fis‑sbuħija ta’ Alla u b’hekk tressaqna lejn dak li hu s‑sabiħ fil‑milja tiegħu, jiġifieri Ġesù Kristu.

    L‑Isqof Galea‑Curmi wera apprezzament ukoll lill‑15‑il artist minn Ħal Balzan li pparteċipaw f’din il‑wirja u li bix‑xogħol tagħhom taw ħajja liċ‑ċentru, li huwa d‑dar tal‑komunità Nisranija ta’ Ħal Balzan.

    …fil‑proċess ta’ evanġelizzazzjoni, l‑arti għanda rwol importanti li tesprimi s‑sbuħija li tfakkarna fis‑sbuħija ta’ Alla u b’hekk tressaqna lejn dak li hu s‑sabiħ fil‑milja tiegħu, jiġifieri Ġesù Kristu.

    Il-kappillan Mons. Karm Farrugia tkellem dwar ix‑xewqa tiegħu li jara komunità Nisranija ħajja u li dan ċ‑ċentru jintuża wkoll biex il‑komunità tapprezza l‑persuni u t‑talenti tagħhom.

    Waqt is‑serata s‑Sur David Demarco għamel diskors ta’ apprezzament lill‑artisti li qed jesponu xogħolhom. L‑artisti huma: Clive Bartolo, John Martin Borg, Joseph Casapinta, Mariz Cassar, Adrian Camilleri, Godwin Cassar, Debbie Debono, Anita Gollcher, Marcelline Piscopo, Joe Martin Risiott, Therese Storace, Ernest Vella, Madeleine Vella Satariano, Tanya Vella u Joe Zammit. L‑opri tal‑arti esebiti jinsabu wkoll għall‑bejgħ.

    Il‑wirja ser tkun miftuħa għall‑pubbliku sal‑Ħadd 4 ta’ Novembru. Matul il‑wirja diversi artisti ser jagħtu workshops għat‑tfal. Iċ‑ċentru l‑ġdid li kien jagħmel parti mill‑kunvent tas‑Sorijiet tal‑Bon Pastur jinsab f’26, Triq Idmejda, Ħal Balzan.

     

  • Ritratti: knisja.mt/ritratti