Message by the Auxiliary Bishop on the opening of the art exhibition and the blessing of the new pastoral centre in Ħal Balzan

  • Il-messaġġ tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

     

  • Iċ-Ċentru Parrokkjali, Ħal Balzan
    1 ta' Novembru 2018

    Il-Papa Franġisku, fl-eżortazzjoni appostolika tiegħu Il-Ferħ tal-Evanġeljui, jgħid li meta aħna nxandru lil Ġesù Kristu, għandna ngħinu n-nies iħarsu lejh bħala l-Verità u t-Tjieba. Imma għandna nwassluhom ukoll biex jagħrfuh bħala l-Ġmiel. Il-Papa jsejħilha via pulchritudinis, jiġifieri t-triq tal-ġmiel. Kif jgħid l-Evanġelju ta’ San Ġwann, Ġesù hu r-ragħaj ‘kalòs’, tradotta bħala r-ragħaj it-tajjeb imma li tfisser ukoll ir-ragħaj is-sabiħ. Il-Papa jgħid li “l-espressjonijiet kollha ta’ ġmiel veru nistgħu nħarsu lejhom bħala triq li tgħinna niltaqgħu mal-Mulej” (par. 167).

    L-okkażjoni tal-lum teħodna sewwasew f’din it-triq. Għandna dawn l-artisti differenti, li kollha joqogħdu Ħal Balzan, li f’dil-wirja qed jesebixxu xogħlijiet tagħhom tal-arti li tista’ tiddeskrivihom b’dal-mod: espressjoni ta’ ġmiel. Min mod u min b’ieħor, ilkoll jesprimu t-talenti tagħhom bi kreattività u jgħinuna ngħożżu dak li hu sabiħ.

    Għalhekk kienet tassew għażla tajba tal-Kappillan Mons. Karm Farrugia li fil-ftuħ u t-tberik ta’ dan il-post bħala ċ-ċentru parrokkjali, li għandu jservi bħala ċentru ta’ evanġelizzazzjoni, issir din il-wirja b’xogħlijiet ta’ arti. Il-messaġġ hu importanti u hu messaġġ li jgħodd mhux biss għal din il-parroċċa, imma għall-Knisja f’Malta u għall-Knisja kullimkien: li fil-ħidma tagħna pastorali għandna nagħtu enfasi speċjali lil dak li hu sabiħ, lill-ġmiel, u napprezzawh, ninkoraġġuh, u ngħinu lin-nies biex permezz tiegħu jaslu għand Ġesù Kristu li hu l-ġmiel fil-milja tiegħu. Dan hu messaġġ ta’ siwi kbir fi żmienna meta s-soċjetà kultant tħaddan il-kruha flok il-ġmiel.

    Nixtieq nuri apprezzament lejn dawk kollha li ħadmu flimkien għal din l-okkażjoni sabiħa, kemm l-artisti kif ukoll l-organizzaturi. Qed niltaqgħu fl-1 ta’ Novembru, solennità tal-qaddisin kollha, festa ta’ dak li hu l-isbaħ fi ħdan il-Knisja. Jalla ċ-ċentru parrokkjali ġdid jgħin lil dawk kollha li jiġu hawn biex jinġibdu lejn il-ġmiel u b’dal-mod jaslu għand Ġesù Kristu, li hu l-milja tal-verità, tat-tjieba, tal-ġmiel.


    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju

     
  •  
  • Ritratti: knisja.mt/ritratti