• ****

    Direttur:          Geoge Tillman Jr.

    Atturi:              Amanda Stenberg, Regina Hall, Russell Hornsby, K. J. Alpa, Common,  Anthony Mackie, Algee Smtih, Issa Rae, T. U. Wright u Sabrina Carpenter

    Ħin tal-Film:    132 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                             12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                                  15       

    Starr Carter, Afrikana/Amerikana u tfajla tas-sittax-il sena, tgħix f’Garden Heights, distrett dominat mis-suwed, tiffrekwenta Williamson Prep, skola privata bi studenti fil-maġġoranza tagħhom bojod. Waqt riċeviment  li Starr kienet qegħda tattendi, ikun hemm sparatura b’riżultat li jisfaxxa  kollox. Khalil, ħabib tampara minn tfulitha, offrilha li jwassalha d-dar bil-karozza. Fi triqathom, jiġu mwaqqfin minn pulizija abjad li jitlob lil Khalil, li kien iswed, biex joħroġ mill-karozza. Sfortunatament, waqt li l-pulizija jmur jiċċekkja l-karozza tiegħu, Khalil idaħħal rasu fil-karozza biex jara li Starr tinsab sew. L-uffiċjal jaħseb ħażin u jispara u joqtol kiesaħ u biered lil Khalil li f’idu ma kellu xejn ħlief xkupilja tax-xagħar. Il-mewt ta’ Khalil isir aħbar nazzjonali. L-identità ta’ Starr li kienet ix-xhud ewlieni tinżamm sigrieta għall-bidu minn kulħadd barra l-membri tal-familja tagħha.

    Il-ħbieb tal-iskola, fosthom Chris, in-namrat tagħha, żagħżugħ abjad kif ukoll Hailey Grant u Maya Yang, qatt ma bassru li Starr kienet involuta fil-każ. Dan il-fatt li Starr kellha żżomm kollox mistur, bdiet toħloq tensjoni, kemm għaliha kif ukoll għall-membri tal-familja. Starr aċċettat li tiġi intervistata minn żewġ detektivs fuq dak li ġara wara nkoraġġiment minn żijuha Carlos, detektiv hu stess u li Starr kienet tqisu bħalha missierha għaliex kien ħa ħsiebha meta missierha Maverick kien weħel  tliet snin ħabs għax instab ħati li kien jagħmel parti minn gang kriminali mmexxxi minn King Lords. Maverick wara li skonta s-sentenza telaq il-gang u beda jmexxi ħanut tal-merċa ġewwa Garden Heights. Starr intebħet li jekk mhux sejra tikkopera u tagħti x-xhieda tagħha fil-ġuri biex jiddeċiedi jekk kienx hemm każ ta’ omoċidju kontra l-pulizija li spara u qatel lil Khalil, kien kollox sejjer jispiċċa fix-xejn u ma tkunx saret ġustizzja għal qtil ta’ wieħed innoċenti u miet għal sempliċiment raġuni għax kien iswed. Sfortunatament, il-grand jury iddeċieda li ma kienx hemm każ. X’jiġri minn hawn? X’sehem ikollha Starr biex tara li l-ġustizzja ssir wara kollox?

    Film dramm Amerikan, msejjes fuq in-novella bl-istess isem ta’ Audrey Wells ippublikata fl-2017, hu taħt id-direzzjoni ta’ George Tillman Jr. Minħabba t-tema tal-film, vjolenza, qtil ta’ żagħżugħ innoċenti, ġlied, kliem goff u  bejgħ ta’ droga, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.