• L‑Arċidjoċesi ta’ Malta ser tlaqqa’ l‑Assemblea Djoċesana li ser tkun ippreseduta mill‑Arċisqof Charles J. Scicluna, nhar il‑Ħamis 22 u l‑Ġimgħa 23 ta’ Novembru 2018. L‑Assemblea ser issir fil‑Katekumenju, il‑Mosta, fejn kien sar is‑Sinodu Djoċesan.

    L‑Arċisqof ried li matul din l‑Assemblea, 15‑il sena minn tmiem is‑Sinodu Djoċesan, issir evalwazzjoni tad‑dokumenti tas‑Sinodu li sar bejn l‑1999 u l‑2003. Fi spirtu ta’ djalogu, il‑Knisja ser tħares lejn l‑iżviluppi li seħħew fil‑kultura u fis‑soċjetà Maltija fl‑aħħar snin, u tara kif tkompli twassal il‑Bxara t‑Tajba fid‑dawl tat‑tagħlim tal‑Papa Franġisku. Dan permezz tal‑ħidma pastorali li ssir fis‑70 parroċċa f’Malta, fil‑qasam tal‑edukazzjoni, u tal‑ħidma soċjali u ta’ karità li l‑Knisja twettaq b’risq il‑persuni foqra u dawk l‑aktar fil‑bżonn.

    Id‑dokumenti tas‑Sinodu li dwarhom ser issir evalwazzjoni fl‑Assemblea Djoċesana 2018 huma: il‑Knisja bħala komunità, is‑sehem u s‑servizz tal‑Knisja fis‑soċjetà, ir‑rwol tal‑lajċi Nsara, ix‑xandir tal‑Evanġelju, iċ‑ċelebrazzjoni tal‑liturġija u s‑sagramenti, id‑djakonija u l‑ġustizzja, iż‑żwieġ u l‑familja, u l‑adolexxenti u ż‑żgħażagħ. Żewġ dokumenti oħra post‑Sinodali huma dwar il‑persuni b’diżabbiltà u l‑media.

    L‑Arċisqof Scicluna ser jagħlaq l‑Assemblea bid‑diskors tiegħu l‑Ġimgħa filgħaxija. Għall‑Assemblea Djoċesana huma mistiedna l‑kappillani u rappreżentanti tal‑parroċċi kollha, il‑provinċjali tal‑kongregazzjonijiet reliġjużi, il‑kapijiet tal‑iskejjel tal‑Knisja u l‑mexxejja tal‑għaqdiet u l‑movimenti Kattoliċi, flimkien ma’ delegati u persuni oħra f’kunsilli tal‑Arċidjoċesi.